Futbol Sport

Magħrufa s-semifinalisti tal-Europa League

Il-kwarti tal-finali tal-UEFA Europa League offriet ukoll sorpriżi, bl-akbar waħda tkun ta’ Red Bull Salzburg li b’rimonta mill-aqwa għelbu lil Lazio 4-1 f’darhom u għaddew b’aggregate ta’ 6-5. Lazio kienu kważi aċċertaw posthom mal-aħħar erbgħa b’gowl ta’ Ciro Immobile fil-55 minuta. Iżda minuta wara t-tim Awstrijak ġab id-draw mill-ewwel, biex bejn it-72 u s-76 skorjaw tliet darbiet b’Lazio maħsuda. Red Bull Salzburg kienu bdew l-esperjenza Ewropea kontra Hibernians fis-sajf li għadda.

Rimonta oħra kienet ta’ Olympique Marseille li għelbu lil Leipzig 5-2 fil-Velodrome. Leipzig kienu għamlu l-aggregate parzjali 2-0 wara żewġ minuti, iżda żewġ gowls sad-disa’ minuti fetħu l-partita beraħ. Florian Thauvin għamilhom 3-1 fit-38 minuta. Leipzig reġgħu skorjaw fil-55 minuta minn Jean-Kevin Augustin, iżda Dimitri Payet wieġeb għat-tim Franċiż ħames minuti wara. Hiroki Sakai ssiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

Arsenal issugraw fir-Russja iżda rnexxielhom jikkwalifikaw. Huma kienu rebħu l-ewwel leg 4-1 u sa kwarta mit-tmiem kienu gowl bogħod mill-eliminazzjoni wara li CSKA Moscow skorjaw darbtejn. Gowl ta’ Danny Welbeck qata’ t-tamiet tar-Russi, b’Aaron Ramsey iġib id-draw fid-90 minuta.

Atletico Madrid tilfu 1-0 fil-Portugall kontra Sporting, iżda għaddew b’aggregate ta’ 2-1. Sporting kienu fetħu l-logħba b’gowl ta’ Fredy Montero, iżda ma rnexxielhomx jiskorjaw gowl ieħor biex ikomplu l-logħba fil-ħin barrani.