Lokali

Maria Efimova mhux se tiġi estradita lejn Malta

Maria Efimova mhux se tiġi estradita lejn Malta. Hekk iddeċidiet il-Qorti Griega wara li dalgħodu instemgħet ix-xhieda f’dan il-każ. Maria Efimova issa hi mara ħielsa fil-Greċja.

Dalgħodu ta x-xhieda tiegħu l-Ewro Parlamentari David Casa. Fl-ewwel rezzjoni tiegħu għal din id-deċizjoni David Casa qal li s-sewwa rebaħ u l-qorti Griega bid-deċiżjoni tagħha uriet li l-ħabs qiegħda hemm għall-kriminali u l-korrotti.

Bħala sors ta’ Daphne Caruana Galizia, Maria Efimova żvelat informazzjoni dwar ħasil ta’ flus bil-Bank Pilatus u li jinvolvi persuni relatati mal-politika fl-Ażerbajġan u Malta.

Fix-xhieda tiegħu, l-MEP Casa ppreżenta l-provi li jirrelataw il-Bank Pilatus mal-attività kriminali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Qorti analizzat id-diversi rapporti tal-FIAU. David Casa wkoll irrefera għar-rapport tal-FIAU li jinsab fil-pussess tiegħu u li fih dettalji tal-involviment ta’ Konrad Mizzi f’attività kriminali.

David Casa qal: “Konrad Mizzi għadu fil-kariga minkejja r-rivelazzjonijiet fil-Panama Papers. Ir-rapport tal-FIAU li jinsisti għal azzjoni mill-Pulizija nħeba mill-awtoritajiet Maltin. Din hi prova ċara tal-ħtif politiku tal-istituzzjonijiet. Hi wkoll evidenza ta’ kemm lesti jieħdu miżuri drastiċi biex jiproteġu l-kriminali fil-poter – l-istess nies li huma inkriminati mill-informazzjoni fil-pussess ta’ Maria Efimova.”

Hu rrefera għall-arrest riċenti fl-Istati Uniti taċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad, u r-relazzjoni tiegħu mal-uffiċjali għolja tal-Gvern Malti, li jinkludu l-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

“Bħala whistleblower, Maria mhux biss ma kenitx protetta, imma l-identità tagħha inkixfet mill-istess Gvern – dan hu eżempju ċar ta’ kemm is-sigurtà tagħha kienet f’periklu. Il-Gvern Malti għamel kampanja aggressiva u kattiva biex jiskreditha. L-imħuħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom barra mas-saqajn. Maria kienet kruċjali għax-xogħol ta’ Daphne u l-informazzjoni li tat ġiet ippruvata li kienet korretta. Hi biex se tkun sigura qabel il-qattiela ta’ Daphne ssir ġustizzja magħhom,” qal Casa.

David Casa ntalab jixhed mit-tim legali ta’ Maria Efimova.

Wara x-xhieda tiegħu, David Casa qal: “Maria għandha l-appoġġ tiegħi u tal-Parlament Ewropew. Aħna għandna l-obbligu li niddefendu u niproteġu l-whistleblowers. Maria kixfet il-ħażin b’riskju kbir għaliha. Ir-rabta ta’ kriminalità bejn il-Bank Pilatus, Konrad Mizzi u Keith Schembri u dawk viċin tagħhom hi ċara. Huma għandhom ikunu arrestati.”