Internazzjonali

Mariah Carey tħabbar li hi bipolar

Il-kantanta famuża Amerikana, Mariah Carey, tkellmet għall-ewwel darba dwar il-battalja li ilha tiġġieled għal dawn l-aħħar 17-il sena kontra l-kundizzjoni magħrufa bħala bipolar disorder.
Dan meta hi qed tingħata t-terapija u l-mediċina biex trażżan l-effett ta’ din il-kundizzjoni li ġiegħelitha tbati perjodi twal ta’ dipressjoni flimkien ma’ nuqqas ta’ irqad.
Carey, waqt intervista lil People, qalet li hi instabet li kellha din il-kundizzjoni fl-2001, u wara li hi kienet iddaħħlet l-isptar minħabba li sofriet breakdown mentali.
U kien proprju ‘issa’ li Carey – li biegħet madwar 200 miljun diska madwar id-dinja – iddeċidiet li tieħu t-trattament mediku għall-kundizzjoni tagħha, u ladarba hi ‘kellha tgħaddi mill-aktar sentejn diffiċli ta’ ħajjitha’.
Il-kantanta spjegat li, qabel, ma kenitx taċċetta l-ħtieġa tat-trattament waqt li ammettiet li ‘għexet taħt sħaba ta’ biża’ li xi ħadd seta’ jiżvela dak li hi kienet għaddejja minnu’.
Sadattant Carey qalet li hi, illum, għandha ħafna ‘nies pożittivi’ madwarha u li rritornat għal dak li tħobb tagħmel l-aktar – jiġifieri tikteb u tipproduċi l-kanzunetti.