Lokali

POMPI TAL-PETROL: Għalissa jibqgħu jgħoddu r-regoli anqas rigorużi

L-applikazzjonijiet eżistenti għal petrol stations ġodda għalissa se jkunu qed isegwu r-regoli preżenti tal-Ambjent. U dan meta issa, il-Gvern se jippreżenta regoli ġodda biex, fi kliem il-Ministru tal-Ambjent Jose’ Herrera jitħarsu aktar iż-żoni barra mill-iżvilupp.

F’konferenza tal-aħbarijiet biex titħabbar ir-reviżjoni tal-policy għal-liċenzji ta’ pompi ġodda tal-petrol, il-Ministru Herrera, akkumpanjat mill-Uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), qal li l-proposti l-ġodda se jkunu ppreżentati lill-Kumitat Parlamentari dwar Ambjent it-Tnejn li ġej.

Fost oħrajn, ġie spjegat li bir-regoli l-ġodda, l-ERA trid tillimita t-teħid mhux meħtieġ ta’ art ODZ biex l-iżvilupp ikun sostenibbli.

Kien spjegat li l-massimu tal-art li wieħed ikun jista’ jiżviluppa għal petrol station issa niżlet minn 3,000 metru kwadru għal 2,000 metru kwadru. Se jkun hemm ukoll tnaqqis ukoll fil-limiti ta’ kemm il-binja l-ġdida tista’ tkun għolja.

Iżda mistoqsi mill-Ġurnalisti x’jiġri f’każ li persuna jfittex japplika għal liċenzja, issa li se jiżdiedu r-restrizzjonijiet għal min japplika, il-Ministru Jose’ Herrera qal li se jkunu applikabbli r-regoli preżenti.

Għal ħafna, dan jista’ jwassal biex ikun hemm ammont ta’ persuni li jfittxu japplikaw għal liċenzja ta’ pompi tal-petrol ħalli jkunu fis-seħħ ir-regoli preżenti, li huma anqas rigorużi mill-policy l-ġdida.