Hemm tensjoni kbira li fis-sigħat li ġejjin ikun hemm attakk fuq is-Sirja mill-Istati Uniti u possibbilment minn pajjiżi oħra. Dan minħabba l-attakk bl-armi kimiċi ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Douma, is-Sirja, u li fih mal-100 persuna tilfu ħajjithom.
Ir-Russja ilha twissi lill-Istati Uniti kontra azzjoni militari kontra r-reġim tal-President Bashar al-Assad – reġim li r-Russja qed tgħin militarment. Imma l-President Amerikan Donald Trump ilbieraħ għamilha ċara li ma kienx qed jagħti kas dawn it-twissijiet. Dan wara li ħareġ tweet fejn avża lir-Russja biex tlesti ruħha għaliex il-missili kienu ġejjin u kienu se jkunu missili tajbin. Ir-Russja kienet avżat li kienet se tinterċetta l-missili li jiġu sparati lejn is-Sirja.
Fis-Sirja, apparti ajruplani militari, ir-Russja stazzjonat ukoll sistemi tal-missili avvanzati biex jinterċettaw missili oħra. Sadattant minn Ċipru telaq ħesrem il-bastiment Amerikan USS Donald Cook, li hu mgħammar b’60 missila cruise. Dan baħħar fid-direzzjoni tas-Sirja, apparti li qed ikun rapportat moviment ta’ ajruplani militari fil-Lvant tal-Mediterran.
Minħabba s-sitwazzjoni li qed tiżviluppa, il-Eurocontrol, l-aġen-zija tal-Unjoni Ewropea li tikkontrolla t-traffiku tal-ajru, wissiet biex l-ajruplani jevitaw il-Lvant tal-Mediterran peress li jista’ jkun hemm azzjoni militari kontra s-Sirja. Diġà kien hemm linji tal-ajru ewlenin li bidlu r-rotot. Il-Eurocontrol qalet li fit-72 siegħa li ġejjin jistgħu jkunu sparati missili, fosthom dawk cruise, kif ukoll tħarbit fil-komunikazzjonijiet bir-radju.
L-eks President Sovjetiku Mikhail Gorbachev xebbaħ dak li qed jiġri mal-kriħi li kien hemmf is-snin Sittin bejn l-Unjoni Sovjetika u l-istati Uniti minħabba l-missili li Moska kienet qed tpoġġi f’Kuba. Sitwazzjoni li kienet poġġiet id-dinja l-eqreb li qatt kienet lejn gwerra nukleari. Gorbachev qal li kien hemm bżonn urġenti li Moska u Washinvton jitkellmu biexjnaqsu t-tensjoni li hawn.
B’reazzjoni għall-iżviluppi tal-bieraħ, il-President Russu Vladimir Putin qal li d-dinja kienet qed isir dejjem aktar kaotika u esprima t-tama li jirrenja s-sens komun. Saddattant l-aircraft carrier Amerikan l-USS Truman telqet mill-istati Uniti diretta lejn il-Mediterran. Din se tkun akkumpanjata mill-bastimenti tal-gwerra USS Normandy, USS Arleigh Burke, USS Bulkeley, USS Forrest Sherman u USS Farragut f’dak li hu magħruf bħala Carrier Strike Group.
//= $special ?>

