Lokali Saħħa

It-trasferiment tal-Isptarijiet pubbliċi: Il-kawża fil-Qorti differita wara li ma tfaċċax l-avukat ta’ Vitals

Il-kawża li fetaħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sabiex l-Isptarijiet pubbliċi jittieħdu lura mill-poplu kellha tiġi differita wara li l-avukat ta’ Vitals Global Healthcare ma tfaċċax.

Il-kawża kellha tibda tinstema’ fid-9a.m. fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili quddiem l-Imħallef Silvio Meli. Iżda wara li kien imsejjaħ diversi drabi, l-avukat ta’ Vitals, David Meli, baqa’ ma deherx, bil-Qorti ma jkollhiex triq oħra ħlief li tiddiferixxi l-każ għall-10 ta’ Mejju.

Fid-19 ta’ Frar li għadda, Iil-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ kawża biex l-isptar San Luqa, l-isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li ngħataw lil Vitals Global Healthcare, jingħataw lura lin-nies. Minbarra fil-konfront tal-VGH, il-kawża infetħet kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, l-Awtorita’ tal-Artijiet u Malta Industrial Parks

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se titlob il-Qorti tiddikjara null il-kuntratt, li l-Gvern Laburista ffirma mis-sidien anonimi tal-Vitals Global Healthcare wara li dawn tal-aħħar ma’ onorawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

F’Diċembru li għadda, l-operat tal-Isptarijiet għadda għand il-kumpanija Steward. F’inqas minn sentejn minn kuntratt ta’ 30 sena u iktar, Vitals ħadu €50 miljun. Kulma sar f’dawn is-sentejn kienet it-tħaffir ta’ ħofra kbira biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

L-Avukat Jason Azzopardi u Edward Debono qed jidhru għal Adrian Delia, l-Avukat Victoria Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed tidher għall-Prim Ministru, l-istess Avukat Ġenerali u l-Aġenziji tal-Gvern u l-Avukat David Meli qed jidher għal VGH.