Lokali

AĠĠORNATA: Pupu liebes taċ-Chairman tal-Bank Pilatus quddiem l-uffiċini tal-FIAU

Pupu liebes ta' priġunier b'wiċċ iċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad ħoloq paniku

Għall-ħabta tas-7:30am, numru ta’ karozzi tal-Pulizija, RIU u l-forzi armati tal-Bomb Disposal marru fil-post barra l-uffiċini tal-FIAU.

Jidher li matul il-lejl tpoġġa pupu liebes ta’ priġunier b’wiċċ l-eks CEO tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad li jinsab arrestat fl-Istati Uniti. Wara li ġie kkonfermat li l-pupu ma kienx ta’ theddida u li kull forma ta’ periklu tneħħa mill-post, il-ħaddiem fl-FIAU setgħu reġgħu jidħlu.

L-investigazzjonijiet juru li Ali Sadr ħoloq diversi kumpaniji u banek barra mill-pajjiż biex għadda b’$115 miljun f’kummerċ mill-Venezwela mal-Iran permezz ta’ banek fl-Istati Uniti. Jirriżulta li t-tranżazzjonijiet finanzjarji saru bejn April tal-2011 u Novembru tal-2013. Fost l-akkużi li qed jaffaċċja Ali Sadr hemm frodi fil-konfront tal-Istati Uniti kif ukoll ksur tas-sanzjonijiet u ħasil tal-flus

Nies fil-post qalulna li l-Pulizija kienu qegħdin ikeċċu lil kulħadd miż-żona u jassiguraw li ħadd ma jieħu ritratti.

Intant fuq Twitter, Reżistenza Malta staqsew numru ta’ mistoqsijiet marbuta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-iskandlu tal-Pilatus.