Il-Kumpaniji Green MT u WEEE Malta, it-tnejn kumpaniji sussiddjarji tal-GRTU u skemi awtorizazzati, waħda għall-ġbir tal-iskart tal-ippakkeġġar u l-oħra għall-elettroniku kellhom żjara ta’ korteżija mill-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar li matulha ġew diskussi il-proposti riċenti tal-Partit Nazzjonalista għar-riforma fil-Kunsilli Lokali u kif il-lokalitajiet jistgħu ikunu aktar innovattivi u effiċċjenti fil-ħidma tagħhom favur l-ambjent.
Cutajar intlaqa’ miIl-President tal-Kamra tan-Negozji żgħar u medji – GRTU, Paul Abela u l-Kap Eżekuttiv ta’ Green MT u WEEE Malta Joe Attard.
Abela tkellem dwar l-importanza li l-Kunsilli Lokali kollha tingħatalhom l-għodda u l-finanzjarjament meħtieġ biex ikunu jistgħu jwettqu ħidmiethom aħjar. Hu stqarr jaqbel mal-proposta li parti mid-dħul tal-Gvern Ċentrali, per eżempju, persentaġġ tad-dħul tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew dħul ieħor li jiġi ġġenerat fil-lokalita’ għandu jmur lura għand il-Kunsilli Lokali.
Il-President tal-GRTU qal li b’dan il-mod il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jwettqu aħjar ħafna mix-xogħol li bil-liġi huma responsabbli għalih.
Cutajar qal li l-Oppożizzjoni trid Kunsilli Lokali li jaħsbu ‘out of the box’ biex joffru soluzzjonijiet aħjar għal dak li verament għandhom bżonn is-setturi kollha fil-lokalitajiet. Iż-żewġ naħat qablu ukoll li f’kull lokalita’ f’Malta għandu jkun hemm sinerġija ikbar bejn il-komunita’ kummerċjali, ir-residenti u t-tmexxija lokali. Is-Sur Cutajar semma li din tista’ tiġi msaħħa billi f’kull Kunsill Lokali jkun hemm persuna full-time li tikkordina ir-relazzjoni bejn is-setturi kollha.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Green MT u WEEE Malta, Joe Attard tkellem dwar l-importanza li l-istakeholders kollha fil-qasam tal-ambjent, partikolarment fl-immaniġġjar tal-iskart ikunu iktar pro-attivi fl-inizjattivi u d-deċizjonijiet għall-ġid ta’ kulħadd.
Hu appella biex f’Malta titwaqqaf ‘Clearing House’ li jkollha l-irwol tqassam b’mod ġust l-obbligi li joħorġu mill-liġi lill-Iskemi li jirrapprezentaw il-produtturi li ta’ kuljum qed jiġbru il-materjal riċiklabbli mill-Kunsilli Lokali.
Attard qal li b’dan il-mod, il-Komunita’ Kummerċjali tkun iktar effiċjenti waqt li l-Kunsilli Lokali jgawdu minn servizz aħjar u mingħajr skossi.
Cutajar faħħar l-impenn u l-ħidma ambjentali ta’ Green MT u WEEE Malta. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jimpenja ruħu biex l-ambjent ikun ukoll fil-qalba tal-prijoritajiet ta’ kull Kunsill Lokali.
//= $special ?>