Lokali Parlament

Appell għar-ruling tal-Ispeaker li waqqaf Mistoqsija Parlamentari

Simon Busuttil u Jason Azzopardi qalu li mistoqsija dwar jekk Keith Schembri attendiex jew le għal dan it-tieġ hija ta' interess pubbliku

Id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u Jason Azzopardi ppreżentaw appell mir-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia wara li reġa’ ċaħdilhom id-dritt li jagħmlu mistoqsijiet parlamentari lill-Prim Ministru. Dan biex iwieġeb jekk iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri attendiex għat-tieġ taċ-chairman tal-bank Pilatus Ali Sadr.

l-Ispeaker kien waqqaf dawn il-mistoqsijiet għaliex skont hu, mhix kwistjoni pubblika jekk iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru attendiex jew le għat-tieġ ta’ Ali Sadr, li jinsab arrestat fl-Istati Uniti b’akkużi li jistgħu jissarfu f’125 sena priġunerija.

Fl-appell tagħhom, Simon Busuttil u Jason Azzopardi qalu li jekk Keith Schembri attendiex jew le għal dan it-tieġ hija ta’ interess pubbliku u allura għandha tiġi diskussa fil-Parlament għall-iskrutinju pubbliku.

Huma qalu wkoll, li f’pajjiż demokratiku, l-Ispeaker għandu jħalli mistoqsijiet bħal dawn isiru u mhux iwaqqafhom hu stess. Huma talbu li r-ruling jiġi rivedut mill-Parlament.

Appell fuq ruling tal-Ispeaker isir billi ssir diskussjoni u vot dwaru fil-Parlament stess.