Lokali Sport

Esebizzjoni ta’ ritratti kontra l-korruzzjoni fl-isport

“Ejja ma nagħmlux l-isport ballun politiku iżda naħdmu flimkien biex tispiċċa l-korruzzjoni fl-isports.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja bl-isem ta’ ‘Stop the Fix, Fix the Threat’. Din kienet imtella mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus u TimSport PN b’esebizzjoni ta’ l-isbaħ ritratti minn fotografi Maltin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li matul ħajtu hu tgħallem ħafna mill-isport u li wasslu biex jifhem dwar in-numri ta’ setturi fil-ħajja. Hu qal li jammira b’mod speċjali l-enerġija u l-passjoni ta żagħżagħ Maltin, filwaqt li qal li l-atleti għandhom jemmnu f’xulxin.

Delia qal li l-liġi mhix biss dik li qed toħloq il-problema, iżda wkoll is-skiet u l-biża’ li wieħed jitkellem. Qal li s-soċjetà warbet lil min tkellem dwar l-informazzjoni li kellu, iżda saħaq li dan għandu jinbidel minnufih.

Adrian Delia jisħaq li żbalja min baqa’ kwiet u ħeba dak li jaf. Żied jgħid li hekk kif il-pajjiż lest jiġġilied kull korruzzjoni, hekk ukoll dik fl-isport. L-oppożizzjoni tinsab b’għajta waħda; dik li l-politiċi ma jarawx il-kulur politiku biss.

Ryan Callus spjega li l-għażla tal-post waqgħet għall-bini tal-Parlament għax kienet l-intenzjoni tiegħu u ta’ TimSport PN li jelevaw l-importanza tal-isport ‘il fuq mill-partiġġjaniżmu politiku.

Ryan Callus spiċċa d-diskors tiegħu billi rrimarka x-xogħol tal-fotografu ta’ media.link communications, Martin Aguis li organizza biex tittella din l-esebizzjoni.

Ir-ritratti li hemm esebiti fil-Parlament jistgħu jinxtraw, bil-flus kollha jmorru bħala donazzjoni lid-Dar tal-Providenza. Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ġimgħa 27 ta’ April.

Ritratti: Matthew Tabone