Futbol Sport

FILMAT: Erjon Beu jagħti punt lil Lija

Daniel Scerri (numru 6) jipprova jieħu l-ballun mingħand Triston Caruana (Ritratt: Domenic Aquilina)
Lija Athletic jirritornaw għar-rebħ tal-punti

Rapport: Keane Cutajar

ĦAMRUN S……………….1

LIJA A………………………1

Ħamrun: S. Sultana, T. Caruana (G. De Castro 60’), D. Borg (T. Espidonla 78’), T. Souza, D. Zerafa, K. Micallef, A. Faria, J. Galea, M. Criaco, D. Camilleri (L. Micallef 88’), A. Nilsson

Lija: L. Bonnici, P. Babic, R. Sammut (A. Borg 73’), D. Scerri, A. Bello Osagie, A. Sammut (K. L. Schembri 65’), Mc.A. Clinch, E. Beu, K. Hirose (G. Borg 89’), A. Kooh Sohna, O. Sidibe

Imwissija: T. Souza 11’, T. Espidola 90’ (Ħ) A. Bello Osagie 20’, D. Scerri 45’, O. Sidibe 85’ (L)

Skorjaw: A. Nillson 48’ (Ħ) E. Beu 81’ (L)

Referee: Sandro Spiteri

Assistenti Referees: Peter Abela, Dusan Petrovic

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Luke Bonnici (Lija Athletic)

Attendenza: 97

Dominju ta’ Ħamrun Spartans matul id-90 minuta ma kienx biżżejjed biex akkwistaw it-tliet punti, b’gowl lejn l-aħħar ta’ Erjon Beu jagħti s-sitt punt tal-istaġun għal Lija Athletic.

Lija kienu tajjeb fuq wara u rnexxielhom jinnewtralizzaw il-maġġoranza tal-attakki tal-ħomor u suwed, bin-numru tnax tal-Athletic, bejn il-lasti jkollu partita tajba ħafna.

F’partita li f’din il-fażi tal-istaġun ma tantx tista’ tagħmel differenza fil-pożizzjoni fil-klassifika taż-żewġ timijiet, iż-żewġ kowċis taw ċans lil xi żgħażagħ tan-nurseries rispettivi fejn għal Ħamrun beda Darren Borg fuq il-faxxa laterali fuq wara filwaqt li għal Lija daħlu jilagħbu Karl Luke Schembri u Gabriel Borg fit-tieni taqsima.

L-ewwel li resqu viċin kienu Ħamrun wara biss sitt minuti iżda Luke Bonnici kien attent u salva tajjeb. Mal-20 minuta logħob, l-Ispartans reġgħu resqu viċin, Bonnici blokka kemmxejn ħażin bil-ballun waqa’ għand Julian Galea fil-kaxxa li bid-dawra venven lejn il-lasta iżda l-gowlkiper ta’ Lija kien stupend u dawwar f’korner.

Żewġ minuti wara, Arthur Faria Machado kellu x-xutt tiegħu mblukkat mid-difiża ta’ Lija bil-ballun jaqa’ għand il-captain Triston Caruana li sab ix-xutt sabiħ tiegħu mdawwar f’korner bi bravura oħra ta’ Bonnici.

Hekk kif qabżu n-nofs siegħa logħob, Caruana reġa’ ttanta xortih però l-gowlkiper ta’ Lija għal darba oħra kien attent.

Appena fetħet it-tieni taqsima, eżattament fit-48 minuta, Ħamrun fetħu l-iskor. Kien Alexander NILSSON li tefa’ fix-xibka minn qagħda komda fil-kaxxa wara li rċieva passaġġ tajjeb mix-xellug.

L-ewwel attakk ta’ Lija wasal fis-67 minuta meta kien Raphael Kooh Sohna li ttanta xortih minn pożizzjoni angolata iżda sab lil Steve Sultana attent li dawwar it-tentattiv f’korner. Mill-korner, Lija resqu viċin iżda kienu mċaħħda mill-lasta.

It-tielet darba li resqu lejn il-lasta Lija, kien permezz ta’ kontrattakk li saħansitra sarraf fil-gowl tad-draw. Kienet ħarba mal-linja ta’ Kooh Sohna li biha wasal sal-kaxxa qabel għadda lejn Erjon BEU li ma kellu ebda diffikultà ħlief li jitfa’ wara Sultana.