Ambjent Lokali

FILMAT: Ix-xogħol fuq is-siġar ‘perikolużi’ tal-Imrieħel se jsir għada

Ix-xogħol fuq numru ta’ siġar immarkati fl-Imrieħel bħala perikolużi se jsir għada, skont sorsi qrib NET News. Dan wara rapporti ta’ NET News fil-jiem li għaddew dwar il-mod kif għal xahrejn sħaħ, ma kien sar xejn dwarhom.

Il-każ hu dwar numru ta’ siġar li hemm fi Triq l-Imdina u li ftit inqas minn xahrejn ilu ġew immarkati bħala siġar li jeħtieġ jinżabru jew inkella jinqalgħu.

L-istudju dwar is-siġar f’din it-triq kien sar mit-taqsima MELP fi ħdan il-Ministeru tal-Ambjent. Il-‘Malta Embellishments & Landscaping Project Monitoring Unit’ (MELP) kienet identifikat numru ta’ siġar li dwarhom kien hemm bżonn li tittieħed azzjoni.

L-istudju kien sar wara li fl-istess triq kienet waqgħet siġra fuq vann li kien qed jinstaq, bil-konsegwenza li fl-10 ta’ Frar li għadda kien tilef ħajtu Dan Udrea, raġel ta’ 38 sena mir-Rumanija.

Għalkemm is-siġra li nqalgħet bil-maltemp kienet b’saħħitha, l-inċident kien wassal għal studju fejn kienu ġew identifikati siġar li kellhom bżonn jinżabru jew jinqalgħu biex ikun minimizzat il-periklu.

Ftit inqas minn xahrejn wara dan l-inċident, ma kienet għadha ttieħdet l-ebda azzjoni dwar dawn is-siġar immarkati. Iżda NET News jinsab infurmat li issa x-xogħol fuqhom huwa skedat għal għada.

Oriġinarjament, NET News kien ġie nfurmat li l-MELP kienet qed tistenna l-barka tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) biex is-siġar ikunu jistgħu jinżabru jew jinqalgħu. Iżda f’kuntatt ma’ NET News, kelliem għall-ERA qal li għas-siġar inkwistjoni fi Triq l-Imdina fl-Imrieħel, ma kienx hemm bżonn permessi mill-ERA peress li s-siġar f’din it-triq m’humiex protetti.

Filfatt, skont liġi dwar il-protezzjoni tas-siġar, jirriżulta li s-siġar li hemm fi Triq l-Imdina (tat-tip Ewkaliptus), mhux talli m’humiex protetti, iżda talli huma parti minn skeda ta’ siġar aljeni u invażivi. Dan ifisser li jekk għandek ġnien privat b’din it-tip ta’ siġra, tista’ taqlagħha mingħajr permessi – għalkemm l-ERA dejjem tista’ tagħti l-parir li minflokha jkunu mħawwla siġar oħra.

Minn informazzjoni li għandu NET News, kien kważi xahrejn ilu meta l-ERA kienet qalet lill-MELP li ma kienx hemm bżonn il-permessi tagħha biex jinżabru jew jitneħħew is-siġar immarkati bħala perikolużi fi Triq l-Imdina.

Issa jidher li l-azzjoni se tkun qed tittieħed għada.

Attentati minn NET News biex isir kuntatt mal-MELP fallew.

FILMAT: Siġar perikolużi fl-Imrieħel għadhom qed jistennew barka biex tittieħed azzjoni