Internazzjonali

Franza tinsisti li hemm il-provi dwar l-attakk kimiku fis-Sirja

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qal li għandu ‘il-provi’ li l-Gvern tas-Sirja, jiem ilu, uża l-armamenti kimiċi għal attakk fuq il-belt ta’ Douma li sa ftit ilu kienet ikkontrollati mir-ribelli li qed jiġġieldu kontra l-President Sirjan, Bashar al-Assad.
Intant, Macron qal li se jiddeċiedi ‘fiż-żmien opportun’ jekk pajjiżu għandux jattakka lis-Sirja. Dan fost indikazzjonijiet li l-pajjiżi tal-Punent – b’mod partikulari l-Istati Uniti – jistgħu qegħdin iħejju biex jisparaw il-missili kontra miri speċifiċi fis-Sirja, b’ritaljazzjoni għall-allegat attakk bil-kimika fuq iċ-ċivili ta’ Douma.
Sadanittant, ir-Russja, bħala alleata kbira ta’ Assad, qed issegwi b’attenzjoni din is-sitwazzjoni perikoluża. Fil-fatt, kelliema għall-Kremlin, f’Moska, ħeġġew kontra ‘kwalunkwe passi u miżuri li kapaċi jirrankaw it-tensjoni’.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien tenna, f’nofs il-ġimgħa, li ‘is-Sirja għandha tistenna azzjoni (l-isparatura tal-missili) minn ħin għal ieħor’– iżda hu, ilbieraħ, bagħat messaġġ fuq Twitter fis-sens li ‘ma speċifikax il-ħin tal-isparatura’.
Trump, li qed jikkonsulta mas-Segretarju tad-Difiża Amerikan, James N. Mattis, qal li ‘attakk ( fuq l-interessi ta’ Assad) jista’ isir dalwaqt inkella jitħalla fuq l-ixkaffa’. Dan meta Washington kien għaddej b’kuntatti mal-Mexxejja ta’ pajjiżi oħra, inklużi Franza u r-Renju Unit, biex jikkonsolida l-appoġġ għal xi azzjoni militari kontra s-Sirja.
Il-President Macron qal li kwalunkwe attakki jistgħu jimmiraw ‘għall-kapaċitajiet kimiċi’ tal-Gvern Sirjan. Filwaqt li ma żvelax is-sors tal-aħħar informazzjoni tiegħu, Macron sostna li ‘(il-Franċiżi) għandhom il-provi li l-armi kimiċi, fosthom il-klorin, intużaw, il-ġimgħa l-oħra, mir-reġim ta’ Bashar al-Assad’.
Meta kien mistoqsi jekk Franza għandhiex tissieħeb fl-attakki fuq is-Sirja, Macron spjega li l-Gvern tiegħu għandu, ‘il quddiem, jieħu deċiżjonijiet importanti u ladarba jiddeċiedi li l-azzjoni għandha tkun l-aktar ħaġa xierqa, utli u effettiva fiċ-ċirkustanzi’.
Hu tenna li Franza mhix se tippermetti l-eskalazzjoni ta’ xi sitwazzjoni jew konflitt li jtellfu l-istabbilità ta’ reġjun sħiħ, ‘madankollu, il-Franċizi ma jistgħux jippermettu li reġim li jaħseb li jista’ jagħmel kulma jrid – inklużi l-agħar affarijiet kontra l-liġi internazzjonali – ikompli qisu ma ġara xejn’.
L-attivisti, il-ħaddiema tal-għajnuna u l-mediċi qalu li mietu għexieren ta’ nies meta l-ajruplani militari tal-Gvern Sirjan, nhar is-Sibt, waddbu l-bombi mimlijin bil-kimiċi velenużi fuq Douma. Iżda l-Gvern tal-President Assad – li jirċievi appoġġ militari mingħand ir-Russja – ċaħad li kien responsabbli minn attakk ta’ dan it-tip.
Fl-istess ħin, is-Soċjetà Medika Sirjana-Amerikana, li taħdem fiz-zoni kontrollati mir-ribelli, qalet li aktar minn 500 persuna spiċċaw trattati għal sintomi ‘indikattivi għal meta persuna tispiċċa esposta għall-materjal kimiku’.
L-Organizzazzjoni tas-Saħħa Dinjija (WHO) insistiet biex tingħata aċċess għall-inħawi ta’ Douma biex tivverifika rapporti tas-sieħba ‘li (fl-attakk) inqatlu mas-70 persuna, fosthom 43 li urew is-sintomi konsistenti mal-effett tal-kimiċi l-aktar velenużi’.
Min-naħa tagħha, ir-Russja fissret ir-rapporti dwar l-attakk kimiku fuq Douma bħala ‘provokazzjoni’ bil-ħsieb li tiġġustifika l-intervent tal-Punent kontra s-Sirja, l-alleata ta’ Moska. Ir-Russi anki qed jakkużaw ‘lir-ribelli militanti fis-Sirja dwar l-istejjer ivvintati bl-iskop li jżidu t-tensjoni’.

Caption A sottomarin: Is-sottomarin HMS Astute tal-qawwiet tal-baħar Britannniċi jidher waqt eżerċizzju riċenti…Skont l-aħħar rapporti, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ħarġet direttivi biex is-sottomarini tar-Royal Navy jidħlu f’ibħra eqreb tas-Sirja, bit-tensjoni qed tkompli… (Ritratt: EPA)