Futbol Sport

Futsal: Illejla l-finali tan-Knockout bejn Luxol u l-Università ta’ Malta

(Ritratt – Joe Borg)

Illejla tintlagħab il-finali tan-Knock Out bejn Luxol u l-Università ta’ Malta.

Dan wara li t-tim tal-Università ta’ Malta kiseb kwalifikazzjoni storika hekk kif għadda għall-finali tan-Knock Out wara li elimina lil Swieqi United. F’semifinali bejn żewġ timijiet li ħadd minnhom qatt ma wasal sal-finali, l-Universitarji ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-2.

Kienu Swieqi United li marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti logħob permezz ta’ Chris Cardona. Erba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Alex Ellul li kien għadu kif daħal għat-tim tal-Università, ġab l-iskor indaqs. Fl-aħħar minuta l-Universitarji marru saħansitra fil-vantaġġ, permezz ta’ Gary Inguanez.

Fit-tieni taqsima it-tim imexxi mill-kowċ Kyle Sultana, ried jagħmel ċert li jirbaħ u jgħaddi għall-finali u żiedu aktar gowls. Wara sitt minuti logħob, Dusan Rakic għamilhom 3-1 u erba’ minuti wara Shawn Deguara għamilhom 4-1.

Aktar tard Swieqi United naqsu l-iskor meta Neil Cauchi tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Kien għad jonqos biss 49 sekonda, meta Rodney Debono mid-distanza ra l-lasti vojta u għamel l-iskor finali għal 5-2.

Fis-semifinali l-oħra, il-holders ta’ din it-tazza, Ħamrun Tre Angeli sfaw eliminati mit-tim ta’ Luxol bl-iskor ta’ 6-2. Għal Luxol kellna doppjetti ta’ Mark Zammit u Rogerio dos Santos Filho u gowl kull wieħed għal Andy Mangion u Zvezdan Vukovic.

Iż-żewġ gowls Ħamruniżi waslu mingħand Stefan Camilleri u Daniel Mifsud.