Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea Xjenza u Teknoloġija

Ħadd m’għandu dritt li jikseb informazzjoni personali fuq ħaddieħor mingħajr kunsens

Dawk is-6,000 Malti u Maltija li l-informazzjoni tagħhom ingħaddiet minn Facebook għand Cambridge Analtica għandhom kull dritt li jkunu jafu kif u għaliex din l-informazzjoni għaddiet għand terzi persuni, għand min finalment ġiet mgħoddija u għal liema skop intużat. Dan hu każ serju li wieħed ma jistax jagħlaq għajnejh għalih, u jien – anke permezz tal-Parlament Ewropew – se nagħmel pressjoni biex il-fatti kollha ta’ dan l-iskandlu jiġu stabbiliti. Dan anke għaliex irridu nsahhu l-protezzjoni tad-data tagħna.

Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech fid-dawl tal-iskandlu ta’ Cambridge Analytica, fejn ġie żvelat li l-informazzjoni ta’ 87 miljun persuna madwar id-dinja – fosthom 6,000 Malti u Maltija – għaddiet mingħand Facebook għand il-kumpanija Cambridge Analytica. Fil-każ ta’ Malta, s-sitwazzjoni hi ferm aktar serja meta wieħed jara r-relazzjoni li teżisti bejn Cambridge Analytica u l-kumpanija Henley & Partners, li ntgħażlet mill-Gvern Malti biex tbiegħ il-passaporti Maltin, u li, kif ammetta l-Kap Eżekuttiv tal-istess kumpanija, għandu relazzjoni tajba ħafna mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.

Il-ġimgħa d-dieħla, l-Parlament Ewropew se jkun qed jiddibatti dan l-iskandlu waqt is-sessjoni Plenarja fi Strasburgu. Zammit Dimech fakkar kif il-Gvern Malti ghamel 146 talba lil Facebook fuq medda ta’ sitt xhur, u Facebook ta din l-informazzjoni f’60% tal-każi matul l-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra. Wieħed irid jistaqsi x’kienu dawk l-40% tat-talbiet li Facebook għażel li ma jagħtix informazzjoni lill-Gvern Malti. X’qiegħed jitlob li jkun jaf dwarna l-Gvern Malti?

Francis Zammit Dimech staqsa wkoll għaliex il-Gvern Malti qed jinsisti li jingħata l-informazzjoni personali dwar kull min jattendi l-kunċert internazzjonali Isle of MTV. Hu fakkar li anke l-Avukat Lynn Zahra – li kienet tmexxi t-Tribunal tal-Appelli tal-Protezzjoni tad-Data – kkritikat bl-aħrax din id-deċiżjoni, u dan għaliex bosta żgħażagħ li jattendu dan il-kunċert se jkunu qed jgħaddu informazzjoni personali li ma jafux kif se tkun qed tintuża. “Hi stramba kif il-Gvern irid l-informazzjoni ta’ min se jattendi l-kunċert Isle of MTV iżda ma jitlobx l-istess informazzjoni għal attivitajiet oħra tal-massa li jsiru ta’ spiss fl-istess post. Aħna, bħala politiċi, se nibqgħu ninsistu li tingħata spjegazzjoni ċara u onesta dwar għalfejn qed tintalab din l-informazzjoni personali,” qal Francis Zammit Dimech.

Ara aktar:

“Il-Gvern sar qisu Big Brother” – l-avukat Lynn Zahra

Il-Gvern b’attitudni ta’ ‘Big Brother’

FILMAT: X’se jagħmel il-Partit Laburista fl-1 ta’ Mejju?