Il-kuġina ta’ Elisaveta Avdala, li hi l-mara li tilfet ħajjitha nhar it-Tnejn li għadda fit-traġedja taż-Żurrieq, kitbet lill-media lokali sabiex taqsam is-sentiment ta’ dulur li għaddejjin minnha l-familja ta’ din il-mara ta’ nisel Bulgaru.
Petia Rousseva għamlitha ċara li l-familja se tibqa’ tinsisti li jsiru jafu kif seħħ l-inċident eżatt, u sal-aħħar se jinsistu li ssir ġustizzja. Minkejja dan, l-ewwel se jistennew li l-investigazzjonijiet ikunu konklużi.
“Se nagħmlu dan għax nafu illi li kieku hi kienet ħajja kienet se tagħmel l-istess”.
Skont Rousseva, il-vittma kellha tirritorna Spanja dakinhar stess li seħħ l-inċident.
Il-kuġina tal-vittma qalet li Elisaveta kienet tħobb ħafna lil Malta u saħansitra xtaqet tmexxi n-negozju tagħha f’Malta biex tkun tista’ tgawdi l-baħar u t-temp sabiħ.