Internazzjonali

Ir-Russja tgħid li l-attakk kimiku fis-Sirja jibbaża fuq gidba’

Sergei Lavrov

Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li s-suspettat attakk kimiku fuq ċivili fil-belt Sirjana ta’ Douma ‘tmexxa bl-għajnuna ta’ aġenzija barranija tas-servizzi sigrieti li għad mhix speċifikata’.
L-attakk fuq Douma kien seħħ il-ġimgħa l-oħra u hemm stennija għall-membri mill-Organization for the Prohibition of Chemical Weapons li jridu janalizzaw l-effett tal-allegata kimika fl-inħawi. Lavrov qal li l-esperti Russi kienu diġà spezzjonaw is-sit tal-allegat attakk lejn il-Lvant ta’ Damaskufejn ma sabu l-ebda traċċi ta’ kimika.
Lavrov qed jgħid li Moska għandha ‘l-informazzjoni konkreta li l-allegat attakk kimiku fuq Douma jibbaża fuq gidba ġdida’. Sergei Lavrov wissa mill-ġdid lill-Punent biex iżomm lura minn azzjoni militari fis-Sirja. Hu tenna li ‘dawn it-tipi ta’ avventuri fis-Sirja’ iservu, fost oħrajn, biex iżidu l-mewġa tar-refuġjati lejn l-Ewropa.