Hekk kif fadal biss żewġ partiti għal tmiem il-Kampjonat BOV Premier issa d-destin hu f’idejn il-liders il-ġodda Valletta li ġimgħa ilu telgħu fil-quċċata wara li huma għelbu lil Ħamrun Spartans u fl-istess waqt approfittaw miż-żelqa xejn mistennija ta’ Balzan li tilfu kontra Tarxien.
Valletta issa għandhom żewġ punti vantaġġ f’ras il-klassifika u għada jilagħbu kontra r-rivali tagħhom Floriana, ftit qabel ma Balzan jilagħbu kontra Senglea. Filwaqt li Balzan se jibdew favoriti li jirbħu kontra Senglea, dawn bla dubju se jkunu qed jittamaw li Floriana, jum qabel il-festa tagħhom ta’ San Publiju, jagħtu telfa lil Valletta li tkun tfisser li jerġgħu jitilgħu fil-quċċata.
Balzan kienu ilhom xhur sħaħ fl-ewwel post u ġimgħa ilu ħadd ma stenna li dawn kienu se jitilfu kontra Tarxien, tim li qed jissielet biex isalva postu fil-Premier.
Għal Valletta, ir-rebħa kontra l-Ispartans kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva biex issa ilhom 11-il-logħba mingħajr telfa. Is-solitu Malano kien strumentali u s-surmast fin-nofs iżda effettiv ħafna kien Nwoko li skorja doppjetta u ħadem ħafna fl-attakk Belti. Valletta ħarġu aggressivi ħafna kontra avversarji li naqsu li jilħqu l-livelli tal-logħbiet preċedenti. Ovvjament Ħamrun ftit li xejn jistgħu jkunu motivati meta jinsabu xxamplati f’nofs il-klassifika bla ebda pretenzjoni jew periklu. Rebħa għal Valletta li tista jkun li kienet il-bidu ta’ trijonf ieħor għalihom bir-rebħ tal-kampjonat.
Sorpriża kbira kienet ir-rebħa li Tarxien kisbu kontra Balzan b’dawn tal-aħħar jitilfu l-kmand tal-klassifika u possibilment il-kampjonat ukoll. Fil-fatt din tista’ titqies bħala l-akbar sorpriża tal-istaġun fejn ħadd qatt ma stenna li Balzan sejrin ifallu meta prattikament waslu mal-moll.
Balzan ma’ kinux fis-solita forma tagħhom fejn ftit li xejn kienu perikolużi quddiem il-lasta avversarja. Dawn it-tliet punti għal Tarxien huma mitqlu deheb fejn f’din il-logħba qatt ma’ ċedew l-inizjattiva.
Jidher li t-taqtiegħa kontra r-relegation ser tibqa għaddejja sal-aħħar ġurnata bit-tliet timijiet ħadd minnhom ma’ jċedi pulżier. Mill-banda l-oħra t-taqtiegħa fuq in-naħa l-oħra tibqa’ għaddejja minkejja li Valletta issa huma favoriti netti għar-rebħ tal-kampjonat.
L-avversarji li jmiss ta’ Valletta, Floriana se jkunu ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Sliema f’dak li hu d-Derby l-Antik. Minn naħa tagħhom Senglea, l-avversarji li jmiss ta’ Balzan se jkunu ġejjin minn rebħa ta’ 5-2 kontra Mosta, rebħa li biha ssiġillaw posthom għal staġun ieħor fil-Kampjonat Premier. Dan ifisser li issa Balzan se jkunu qed jilagħbu kontra tim li prattikament laħaq l-objettiv tiegħu.
Wara li bnew vantaġġ għal darba tnejn, Floriana naqsu li jamministraw sew sabiex intleħqu minn Sliema f’logħba li spiċċat fi draw ta’ 2-2 biex b’hekk il-Greens fallew iċ-ċans li jitilgħu fir-raba’ post tal-klassifika b’punti daqs Birkirkara. Kellu jkun gowl tard fil-partita minn Edmond Agius li ċaħħad lil Floriana mir-rebħa.
L-uniku konfront tal-lejla se jkun dak bejn Ħamrun u Lija.
Il-Programm
Illum
Centenary Stadium
7.00pm Ħamrun S. – Lija A.
Għada
Stadium Nazzjonali
4.00pm Floriana – Valletta
6.00pm Balzan – Senglea A.
Hibs Stadium
4.00pm St. Andrew’s – Birkirkara
6.00pm Gżira Utd. – Sliema W.
Il-Ħadd
Stadium Nazzjonali
4.00pm Mosta – Naxxar L.
6.00pm Hibernians – Tarxien R.