Il-Qorti Suprema tal-Pakistan ħarġet verdett li jipprojbixxi lill-eks-Prim Ministru Pakistani, Nawaz Sharif, milli qatt jokkupa kariga eletta wara li hu, is-sena l-oħra, kien suġġett għal investigazzjoni dwar korruzzjoni minħabba dak li nkixef fil-Panama Papers.
Il-qorti deċidiet hekk wara li d-deċiżjoni ta’ Lulju għall-projbizzjoni ta’ Sharif ma dikjaratx biċ-ċar l-ammont taż-żmien għall-iskwalifika tiegħu minn kariga pubblika.
Sharif, li jmexxi l-Lega Musulmana tal-Pakistan, kellu jirriżenja f’Lulju mill-kariga ta’ Prim Ministru peress li kien implikat fil-Panama Papers.
Dan wara li l-leaks tal-informazzjoni mill-każ tal-Panama Papers (fl-2016) żvelaw li l-familja ta’ Sharif użat il-kontijiet offshore biex tixtri proprjetà lussuża f’Londra, fir-Renju Unit.
Sharif, it-tliet uliedu qed jiffaċċjaw il-proċeduri kriminali. Huma kollha qed jiċħdu li għamlu xi ħaġa ħażina, b’Nawaz Sharif jinsisti li hu spiċċa ‘vittma ta’ politiċi rivali’.
Nawaz Sharif skwalifikat għal għomru mill-politika minħabba l-Panama Papers


