Niko Kovac se jkun qed jirritorna ma’ Bayern Munich mill-istaġun li ġej iżda bħala kowċ. Il-Kroat ta’ 46 sena li lagħab ma’ Bayern Munich bejn l-2001 u l-2003, laħaq ftehim fuq kuntratt ta’ tliet snin b’effett mill-1 ta’ Lulju.
Hu se jkun qed jieħu tmexxija tat-tim mingħand Jupp Heynckes li ħareġ mill-irtirar biex ħa t-tmexxija tat-tim f’Ottubru li għadda. Heynckes qal diversi drabi li se jieqaf fi tmiem l-istaġun u t-tentattivi ta’ Bayern biex jikkonvinċi lill-kowċ ta’ 72 sena kienu mingħajr suċċess.
Minkejja li għandu ftit esperjenza wara perjodu mat-tim nazzjonali Kroat, Kovac għen lil Eintracht Frankfurt isalvaw posthom fil-Bundesliga wara li daħal fit-tim f’Marzu tal-2016, u mexxa lit-tim sal-finali tat-Tazza Ġermaniża fl-istaġun sussegwenti.
F’dan l-istaġun, Eintracht Frankfurt għadhom biċ-ċans li jikkwalifikaw għaċ-Champions League staġun ieħor hekk kif jinsabu fil-ħames post. Frankfurt għadhom fit-Tazza Ġermaniża fejn il-ġimgħa d-dieħla se jilagħbu s-semifinali kontra Schalke.
“Niko kien plejer mal-klabb u jaf il-karattru, l-istrutturi u l-polz tal-klabb tajjeb ħafna. Aħna konvinti li hu l-aħjar kowċ għall-futur ta’ Bayern Munich,” qal id-direttur sportiv Hasan Salihamidzic. Ħu l-Kroat Robert Kovac li wkoll lagħab ma’ Bayern Munich, se jkun l-assistent ta’ Niko Kovac fl-istaff tekniku.
Iċ-Champions Ġermaniżi kienu f’diskussjonijiet mal-eks kowċ ta’ Borussia Dortmund Thomas Tuchel, iżda hu kien informa lill-klabb li kellu ftehim biex jingħaqad ma’ tim ieħor, fiż-żmien li kienu għadhom qed jippruvaw lil Heynckes biex jibqa’.
//= $special ?>