Aktar minn sena u tliet xhur wara li disa’ koppji tilfu l-embrijuni tagħhom minħabba qtugħ ta’ dawl fl-isptar Mater Dei, jirriżulta li l-inkjesta indipendenti li kienet inħatret biex tinvestiga dan il-każ tlestiet, iżda nżammet moħbija tal-Gvern.
Dan kien ikkonfermat minn risposti li rċieva In-Nazzjon għal mistoqsijiet li bagħat lill-Ministeru tas-Saħħa dwar inċident li seħħ f’Jannar tas-sena li għaddiet (2017), meta l-inkubatur tal-isptar Mater Dei li jintuża fil-proċess tal-IVF kien instab mitfi, apparantament minħabba qtugħ ta’ dawl fl-isptar Mater Dei li wassal biex l-inkubatur baqa’ mitfi sa filgħodu.
“Id-Dipartiment tas-Saħħa rċieva r-rapport dwar l-inkjesta dwar ħsara teknika temporanja f’inkubatur li fih kien hemm embrijuni ftit tal-ġranet ilu”, qalet kelliema għall-Ministru Chris Fearne – mingħajr ma ġie speċifikat meta wasal ir-rappor tal-inkjesta dwar dan l-inċident li seħħ sena u tliet xhur ilu.
Fl-inkubatur mitfi kien hemm embrijuni ffertilizzati ta’ disa’ koppji li kienu qed jagħmlu l-IVF. L-IVF huwa proċess fejn minħabba xi tip ta’ infertilità, l-embrijuni jkollhom jiġu ffertilizzati xjentifikament barra l-ġisem biex imbagħad, l-istess embrijuni jiġu mpjantati f’ġuf il-mara.
Id-disa’ embrijuni li kienu ‘fallew’ kienu kollha fl-aktar inkubatur teknoloġikament avvanzat fl-isptar Mater Dei meta “ħsarat tekniċi” wasslu biex l-inkubatur kien spiċċa mitfi għal ħin twil. Għalkemm il-Gvern għadu qatt ma kkonferma, In-Nazzjon jinsab infurmat li l-“ħsara teknika” ma kienet xejn għajr qtugħ ta’ dawl.
Meta seħħ il-qtugħ ta’ dawl, fl-inkubatur kien hemm embrijuni ta’ tliet ijiem li kienu lesti li jiġu mpjantati fl-ommijiet bħala parti mill-proċess tal-IVF. Dakinhar stess li l-inkubatur kien instab mitfi, tmien ommijiet kienu marru l-isptar Mater Dei, bit-tama li l-embrijuni jiġi mpjantati, filwaqt li d-disa’ koppja kienet marret għal dan il-proċess jumejn wara.
Għalkemm l-embrijuni kienu ġew impjantati fil-ġuf tad-disa’ ommijiet, il-koppji kollha kienu ġew mgħarrfa li kien hemm ċans li dawn ma jħallux frott, peress li ma kienx magħruf kemm l-inkubatur kien ilu mitfi. Fil-ġimgħat wara li kienu saru l-impjantazzjonijiet tal-embrijuni fil-ġuf tad-disa’ ommijiet, il-koppji bdew jirċievu ittri li fihom ġew mgħarrfa li r-riżultat tal-IVF kien negattiv.
Filwaqt li jidher li l-inkjesta tlestiet u nżammet moħbija, il-Ministeru tas-Saħħa qal lil In-Nazzjon li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne se jkun qed jirrapporta fuq din l-inkjesta fil-Parlament ladarba jiġu kkuntattjati l-koppji kollha involuti f’dan l-inċident u mgħarrfa bil-konklużjonijiet tal-inkjesta. Dan minkejja li sal-bieraħ stess, dan il-ġurnal ġie mgħarraf li l-koppji involuti kienu għadhom kompletament fil-limbu.
Tinżamm moħbija f’kuntest fejn il-Gvern irid idaħħal tibdil dwar il-liġi tal-IVF
Sadanittant, il-Gvern irid jagħmel tibdil fil-liġi li tirregola l-proċess tal-IVF.
Il-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni, li kienet ġiet introdotta fi żmien Gvern Nazzjonalista, sal-lum tippermetti li jsir IVF bil-fertilizazzjoni ta’ massimu ta’ tliet embrijuni (tnejn biss f’ċirkostanzi normali). Il-liġi preżenti tippermetti wkoll li jiġu ffriżati l-bajd biex ‘il quddiem ikun jista’ jerġa’ jsir proċess ta’ fertilizazzjoni tal-embrijuni.
Imma dan kollu mistenni jinbidel hekk kif aktar kmieni matul il-ġimgħa, il-Gvern beda l-proċess fil-Parlament li bih mistenni jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni. Bit-tibdil li jrid idaħħal il-Gvern, ġenituri prospettivi se jkunu jistgħu jiffertilizzaw sa ħames embrijuni bil-possibiltà li jiffriżaw dawk l-embrijuni li ma jiġux impjantati.
//= $special ?>