Futbol Sport

Juventus tilfu, imma flushom ma tilfuhomx!

Min għamel l-imħatra mar tajjeb xorta

Il-kumpanija Betfair xorta waħda ippremjat lil dawk l-1,500 ruħ li emmnu f’rimonta ta’ Juventus kontra Real Madrid fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League.

Nhar l-Erbgħa li għadda penalty kontroversjali fl-aħħar azzjoni tal-logħba ikkundanna lil Juventus u salva lil Real Madrid biex iċ-champions Ewropej għaddew mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni hekk kif eliminaw lil Juventus li kellhom wirja mill-aqwa fil-Benabeu. Ġimgħa wara li kienu tilfu 3-0 f’Turin, Juventus kienu kważi għamlu l-impossibbli u skurjaw tliet gowls kontra l-Merengues.

Kollox deher li l-logħba kienet se tmur għall-ħin barrani sakemm ir-referee Ingliż Oliver saffar penalty għal fawl diskuttibbli ta’ Benatia fuq Vazquez. Is-solitu Ronaldo ma żbaljax biex poġġa lil Real fis-semifinali.

B’kollox kienu 1500 persuna li emmnu li Juventus kienu se jagħmlu bħal ma kien għamel jum qabel it-tim Taljan l-ieħor, dak ta’ Roma, li eliminaw lil Barcelona wara li kienu tilfu l-ewwel leg 4-1. Wieħed jimmaġina li d-disfatta ta’ dawn l-eluf kienet kbira hekk kif Ronaldo sab ix-xibka imma jum wara ġew infurmati li xorta waħda kienu se jirċievu l-flus għall-fiduċja li urew fiċ-champions Taljani.