Il-Gvern se jkun qed jagħti l-bini tal-Gvern li hemm fl-Imtarfa (dak li qabel kien sptar militari) lill-privat għal 40 sena sħaħ biex tinbena skola internazzjonali.
L-aħbar ingħatat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo akkumpanjat minn numru ta’ uffiċjali.
Il-bini ta’ valur storiku tant li huwa skedat, se jkun qed jingħata b’konċessjoni lil xi ħadd li suppost għad irid jintgħażel fi proċess kompetittiv.
Iżda meta kien mistoqsi minn NET News, il-Ministru Evarist Bartolo kien kawt ħafna meta kien mistoqsi jekk il-Gvern kellux diġà kuntatt ma’ xi investituri privati b’interess għal din l-għotja ta’ bini pubbliku. “Skont x’tifhem bi ‘Gvern'”, qal ħin minnhom il-Ministru Evarist Bartolo.
Filwaqt li qal li l-ebda applikant mhu se jingħata trattament preferenzjali, il-Ministru naqas milli jkun ċar dwar jekk xi ħadd mill-Gvern tkellimx diġà mal-privat dwar din il-konċessjoni partikolari.
Id-dokument bil-linji gwida għal min hu interessat li jirbaħ din il-konċessjoni tal-Gvern jgħid li 80% tal-għażla se tkun ibbażata fuq l-aspett kurrikulari filwaqt li 20% tal-għażla se tkun ibbażata fuq l-aspett finanzjarju.
Waħda mill-kundizzjonijiet se tkun li min japplika, juri li għandu ‘track-record’ fil-qasam edukattiv. Dwar dan, il-Ministru Evarist Bartolo naqas milli jammetti li dan hu konferma tal-falliment tal-Gvern ta’ Joseph Muscat fil-mod kif ta art verġni fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi – suppost għal Universià Amerikana – meta l-Ġordaniżi ma kellhom l-ebda kredenzjali edukattivi.
Madanakollu, meta mistoqsi jekk il-Gvern jagħtix garanzija li l-Ġordaniżi ma jinvolvux ruħhom f’din il-konċessjoni, il-Ministru Evarist Bartolo qal li minħabba din il-kundizzjoni, aktarx lanqas biss ikunu jikkwalifikaw.
Sadanittant, skont l-informazzjoni li ngħatat waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, jirriżulta li għal din il-konċessjoni l-Gvern se jitlob ħlas ta’ €50,000 fis-sena għall-ewwel ħames snin; €125,000 fis-sena għat-tieni sett ta’ ħames snin; u wara għaxar snin ammont b’żieda ta’ 8% kull sena.
//= $special ?>