Lokali

Tfal tal-iskola jippreżentaw dikjarazzjoni favur il-ħajja lill-mexxejja tal-istat

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo rċieva din id-dikjarazzjoni mingħand l-istudenti biex jgħaddiha lill-Prim Ministru, lill-Ispeaker u lill-Kap tal-Oppożizzjoni

Numru kbir ta’ studenti li jattendu l-iskola tas-Seminarju preżentaw dikjarazzjoni favur il-ħajja lill-mexxejja tal-istat, waqt attivita’ ta’ ċelebrazzjoni tal-ħajja . Din is-sena, l-iskola għażlu li jiċċelebraw it-tema ta’ favur il-ħajja – fejn wara l-messaġġi li nagħtaw mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u l-Arċisqof Charles Scicluna, l-istudenti preżentaw din id-dikjarazzjoni favur il-ħajja lid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

F’din l-ittra, huma talbu lill-Membru Parlamentari Ivan Bartolo sabiex jgħaddi din id-dikjarazzjoni lill-Prim Ministru, lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati u lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Matul din il-ġimgħa, l-istudenti pparteċipaw f’attivitajiet edukattivi li fihom fehmu t-tifsira tal-ħajja f’kull stadju u ċirkostanza, ġew mgħallma dwar kif kull bniedem hu uniku u maħluq minn Alla, ġew edukati dwar kif għandhom jirrispettaw d-differenzi li jagħmluna uniċi filwaqt li jirrispettaw l-ambjent naturali ta’ madwarna.

Matul din il-ġurnata b’rabta ma’ din it-tema partikolari, l-istudenti tas-Seminarju tal-primarja kellhom ġurnata mimlija sport flimkien mal-ġenituri tagħhom, filwaqt li l-istudenti tas-sekondarja kellhom numru ta’ workshops u diskussjonijiet biex japprezzaw lil diversi nies li għaddejjin bi problemi soċjali – bħal nies li qed jiskontaw sentenza fil-ħabs, nies li għaddejjin minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali, nies mingħajr saqaf fuq rashom, trabi li twieldu mejta, u nies b’reliġjonijiet differenti.

Matul il-ġimgħa ta’ bejn id-9 ta’ April u t-12 ta’ April, inġabar ikel biex jingħata donazzjoni lill-food bank fil-Belt Valletta, dan filwaqt li kopja uffiċjali tal-liżar ta’ Kristu li jinsab f’Turin tpoġġiet fil-kappella biex l-istudenti jiġu nkoraġġati jitolbu.