Lokali

Evidenza ċara ta’ kaskata qrib Malta 5 darbiet akbar mit-Torri Eiffel

Xjentisti Marini Maltin, Franċiżi, Taljani, Spanjoli u Ġermaniżi, ħarġu fid-dawl evidenza ċara ta’ wieħed mill-akbar għargħar li qatt rat wiċċ id-Dinja fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Stqarrija maħruġa mill-Istituzzjoni Ġeoloġija Marina u ta’ Taħt il-Baħar fi ħdan id-Dipartiment tal-Geosciences, Fakultà tax-Xjenza, fl-Università ta’ Malta spjegat li l-għargħar – magħruf aħjar bħala z-‘Zanclean Flood’ kien waqqaf il-Kriżi tas-Salinità Messinjana – il-perjodu meta l-Baħar Mediterran kien fil-biċċa l-kbira minnu niexef. Dan hekk kif 6 miljun sena ilu, wara li l-Baħar Mediterran spiċċa mingħajr aċċess għall-Oċean Atlantiku, dan trasforma ruħu f’lag mielaħ li kien qed jevapora kawża tat-temperaturi għoljin li kien hawn dak iż-żmien.

Waħda mit-teoriji li fil-maġġorparti tax-xjenzati u storiċi jaqblu magħha hija li din in-nixfa waslet fi tmiemha mas-640,000 sena wara hekk kif ingħata bidu għal għargħar deskritt bħala katastrofiku fl-Istrett ta’ Ġibiltà.

L-esperti saħqu li minn analiżi miġbura minn qiegħ il-baħar ftit ‘il barra mill-kosta fil-Lvant ta’ Sqallija kif ukoll dawk qrib il-Gżejjer Maltin – tim internazzjonali ta’ ġeoxjentisti skoprew massa kbira ta’ materjal midfun li hemm ċans kbir li dan kien ġie mkaxkar matul dan l-għargħar qawwi.

Mill-ewwel indikazzjonijiet din il-massa ta’ materjal tkopri żona ekwivalenti għad-daqs tal-gżira Griega ta’ Kreta kif ukoll f’xi partijiet għanda ħxuna li tlaħħaq id-900metru. Il-passaġġ ta’ dan l-għargħar huwa evidenzjat fi blata taħt il-baħar magħmula mill-ġebla tal-Franka, fejn juri li kien hemm preżenti waqt dan l-għargħar kaskata għolja madwar kilometru u nofs – 5 darbiet akbar mit-Torri Eiffel.

Jidher ukoll li kawża t’hekk ġie kreat ‘canyon’ wiesgħa 5 kilometri u twil mal-20 kilometru f’qiegħ il-baħar ftit ‘il barra mill-kosta ta’ Noto, fin-nofsinhar ta’ Sqallija.
L-istqarrija kkonkludiet tgħid li din is-sejba hija ta’ importanza kbira l-għaliex turi biċ-ċar li waqt in-nixfa qawwija li ħakkmet lill-Baħar Mediterran il-livell naqas b’aktar minn elf metru u tmiemha jikkonċidi eżattament mal-għargħar katastrofiku li ħakem lill-istess baħar.