Eluf ta’ persuni nġabru fi Pjazza Tritoni għax riedu jkunu parti mill-ħolqien tat-‘tag line’ “Oh My Malta”. Flimkien, fuq l-inizjattiva tal-vlogger Nuseir Yassin għall-proġett tiegħu “NAS Daily”, li kellu l-mira ta’ folla ta’ aktar minn 4,000 persuna.
Din l-għajta, li dwiet fi Pjazza Tritoni, se tkun parti minn filmat ieħor ta’ minuta li Nas se jkun qed ixandar minn pajjiżna fuq Facebook wara diversi filmati li diġà xxandru.
Segwit minn aktar minn ħames miljun ‘follower’, dak imxandar is-Sibt kien jitratta minuta flimkien ma’ Salvu … wieħed mill-ftit abitanti fuq Kemmuna.
L-attività fi Pjazza Tritoni nkludiet ukoll spettaklu mużikali minn DJs, kif ukoll żfin u kant, fost l-oħrajn mill-grupp mużikali Red Electric.
Nas ilu f’pajjiżna għal ġimgħatejn sħaħ bħala parti mill-proġett tiegħu li jdur id-dinja minn pajjiż għall-ieħor, fejn ta’ kuljum jitfa’ filmat ta’ minuta biex iwassal ħsieb, messaġġ jew esperjenza fil-pajjiż li jkun qed iżur.
Fi Pjazza Tritoni, hu spjega li normalment, ma jagħmilx aktar minn ftit jiem f’pajjiż. Madankollu, Malta għoġbitu tant li issa ilu ġimgħatejn.
Stqarr li sar jaf b’Malta mill-filmat fuq YouTube tat-Taljan li żar Malta, li qabbdu kurżità biex iżurna.
Minbarra Malta, fost il-pajjiżi li żar s’issa, kien hemm in-Niġerja u l-Filippini. U f’pajjiżna, Nas esprima l-faxxinu tiegħu fost l-oħrajn għal-lingwa Maltija, tant li xebbaħha mal-mod kif il-lingwa tagħna tgħaqqad ilsna barranin bħalma l-bniedem ġej minn kulturi differenti.
//= $special ?>