Qawwiet Amerikani, Ingliżi u Franċiżi ibbumbardjaw qagħdiet tal-Gvern Sirjan matul il-lejl li għadda. Fil-mira, kien hemm faċilitajiet suspettati li jintużaw għall-bini u ħażna ta’ armi kimiċi fil-kapitali Damasku u żewġ qagħdiet oħra qrib il-belt ta’ Homs.
L-attakk sar prinċipalment b’missili cruise u kienu wżati aktar minn 100 minnhom.
F’diskors lill-pajjiż, il-President Amerikan Donald Trump ħabbar il-bidu ta’ operazzjoni konġunta mar-Renju Unit u Franza għall-ħabta tat-3a.m. ħin ta’ Malta.
Iktar tard, il-Ġeneral Joseph Dunsford ta iktar dettalji dwar il-qagħdiet milquta li kienu, faċilita’ ta’ riċerka f’Damasku allegatament involuta fil-produzzjoni ta’ armi kimiċi u bioloġiċi, ħażna ta’ armi kimiċi f’Homs u ħażna ta’ tagħmir assoċjat ma’ armi kimiċi u postazzjoni ta’ kmand, ukoll f’Homs.
Ma kienx hemm vittmi Amerikani fl-attakki li għalissa huma wieqfa. Il-Ġeneral Dunsford qal li l-qagħdiet kienu magħżula sabiex ir-riskju li jintlaqtu qawwiet Russi li hemm stazzjonati fil-pajjiż ikun mill-inqas. Madanakollu, ir-Russja, li hi alleata tar-reġim ta’ Bashar al Assad, ma ngħatatx twissija li se jsir attakk.
Sadanittant, l-ewwel reazzjoni uffiċjali mir-Russja waslet mill-Ambaxxatur Russu fl-Istati Uniti Anatoly Antonov. L-istqarrija, mehmuża ma’ tweet tgħid li, “minkejja t-twissijiet, ix-xenarju mfassal minn qabel daħal fis-seħħ u avżajna li azzjoni bħal din mhux se tkun mingħajr konsegwenzi. Ir-responsabbilta’ ta’ dawn il-konsegwenzi taqa’ fuq Washington, Londra u Pariġi. Tgħajjir lill-President tar-Russja hu inaċċettabbli. L-Istati Uniti, il-pajjiż bl-ikbar ħażna ta’ armi kimiċi, m’għandux id-dritt morali li jwaħħal f’ħaddieħor.”
Skont ix-Xandir tal-Istat Sirjan, il-qawwiet Sirjani waqqgħu iktar minn 12-il missila li kienu sparati lejn it-territorju Sirjan.
Anki l-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May u l-President Franċiż Emmanuel Macron ikkonfermaw l-involviment tal-qawwiet rispettivi tagħhom. It-tnejn saħqu li l-aħħar attakk kimiku tar-reġim ta’ Assad fuq nies innoċenti f’Douma ma ħalla ebda triq oħra ħlief li jkun hemm tweġiba militari.
//= $special ?>