Is-sewwieq tal-Ferrari Sebastian Vettel kiseb il-Pole Position għall-Grand Prix taċ-Ċina li se jsir il-Ħadd. Fis-sessjoni ta’ kwalifiki kien hemm dominju tal-Ferrari u d-dwell kien bejn Vettel u sieħbu Kimi Raikkonen. Fil-fatt, Raikkonen kien bl-aħjar ħin sakemm lejn it-tmiem Vettel għamel dawra mill-aqwa biex irreġistra l-aħjar ħin.
Mit-tielet post se jibda s-sewwieq tal-Mercedes Valtteri Bottas filwaqt li mir-raba’ post se jibda ċ-champion renjanti Lewis Hamilton.
Din kienet sorpriża meta wieħed iqis li Hamilton għandu rekord ferm pożittiv f’dan iċ-ċirkwit.
Hamilton se jkun qed jipprova jwaqqaf lil Vettel milli jikseb it-tielet rebħa konsekuttiva dan l-istaġun. Is-sewwieq Ġermaniż beda billi rebaħ il-Grand Prix tal-Awstralja u wara rebaħ it-tellieqa ta’ Bahrain.
Iċ-champion renjanti Hamilton se jkun qed jittama li jirbaħ proprju f’ċirkwit li normalment imur tajjeb fih.
Hamilton rebaħ ħames darbiet fiċ-Ċina filwaqt li l-uniku darba li Vettel rebaħ fiċ-Ċina kien fl-2009.
Fis-sentejn li għaddew dejjem spiċċa fit-tieni post. Fir-raba’ staġuni li matulhom rebaħ it-titlu mondjali, jiġifieri bejn l-2010 u l-2013, qatt ma rebaħ fiċ-Ċina. Mill-ħames darbiet li Hamilton rebaħ fiċ-Ċina rebaħ tliet darbiet bħala sewwieq tal-Mercedes u darbtejn bħala sewwieq tal-McLaren.
Is-sewwieq tal-McLaren Fernando Alonso rebaħ darbtejn fiċ-Ċina, fl-2005 u fl-2013 filwaqt li sieħeb Vettel, Kimi Raikkonen ħareġ rebbieħ f’dan iċ-ċirkwit lura fl-2007.
//= $special ?>