PIETA H. …………………. 2
MQABBA ……………….. 1
Pieta kisbu t-tliet punti li kellhom bżonn kontra Mqabba biex wara nuqqas ta’ tliet snin irritornaw fil-Kampjonat Premier. L-eroj tagħhom il-bieraħ kien l-attakkant Lawrence Chiedozie li skorja doppjetta, bil-gowl tal-promozzjoni jasal ħames minuti mit-tmiem. L-ewwel azzjoni kienet ta’ Pieta wara sitt bix-xutt ta’ Chiedozie mdawwar għal korner b’diffikulta minn Debono.
Kien il-preludju tal-gowl li wasal żewġ minuti wara bl-istess CHIEDOZIE jidħol fil-kaxxa u jiskorja b’xutt fil-baxx. Risposta ta’ Mqabba erba’ minuti fejn Ojuola kompletament żmarkat xeħet barra bir-ras. Fit-22 minuta freekick ta’ Michael Borg u risposta mill-aqwa ta’ Chircop. Mqabba komplew jippressaw u fit-23 minuta kienu sfortunati meta xutt ta’ Chimezie ħabat ma’ sieq il-lasta.
Fil-35 minuta azzjoni perikoluża ta’ Pieta fejn Mensah żmarka lil Chiedozie li kien imwaqqaf minn Debono, mir-rebound Debono salva x-xutt ta’ Busuttil, bl-istess Debono ierġa’ joħroġ f’saqajn Mensah fuq it-tieni rebound. Minuta mill-intervall Mqabba għal darb’oħra ma tidħqilomx ix-xorti meta freekick mill-isbaħ ta’ Michael Borg stampa mal-lasta.
Fit-tieni taqsima kienu Mqabba li ħadu l-kontroll tal-logħba f’idejhom u kisbu draw meritat fl-64 minuta meta xutt ta’ Trebovac kien salvat minn Chircop iżda mir-rebound kien PAUL CHIMEZIE li skorja b’xutt bid-dawra mill-viċin.
Mqabba komplew jattakkaw jippruvaw il-gowl tar-rebħa iżda ħames minuti mit-tmiem kienu kastigati meta f’azzjoni ta’ kontrattakk Busuttil żmarka lil LAWRENCE CHIEDOZIE li avvanza u għeleb lil Debono b’xutt fil-baxx.
//= $special ?>