Internazzjonali

Il fuq minn 1,000 tifel u tifla maħtufa minn Boko Haram mill-2013

L-entità UNICEF (tan-Nazzjonijiet Uniti) irrappurtat li ‘il fuq minn 1,000 tfal spiċċaw maħtufa mill-militanti tal-grupp Boko Haram (fin-Niġerja) mill-2013 ‘il hawn. Ir-rapport ħareġ meta n-Niġerja qed tħejji biex tfakkar ir-raba’ anniversarju mill-ħtif ‘tal-massa’ tat-tfajliet tal-iskola mill-iskola sekondarja ta’ Chibok li jmur lura għall-2014.

L-istqarrija qalet li l-ħtif tat-tfal seħħ fl-artijiet lejn il-Grigal tan-Niġerja filwaqt li rreferiet b’mod partikulari ‘għall-276 tfajliet ta’ Chibok’.
Ir-rappreżentanti tal-UNICEF fin-Niġerja qalu wkoll li dan ir-reat kontra t-tfal qed isir minn ‘persuni ( militanti) mingħajr kuxjenza’.

Il-Boko Haram ilu s-snin jiġġieled kontra l-Gvern Niġerjan biex iwaqqaf Stat Iżlamiku fir-reġjuni lejn il-Grigal ta’ dan il-pajjiż. Il-battalji sallum swew il-ħajja ta’ mill-anqas 20,000 filwaqt li ħallew ‘il fuq minn żewġ miljun refuġjati.

L-iskejjel taz-zoni, speċjalment dawk li jgħallmu l-edukazzjoni sekulari, huma mira speċifika tal-militanti li ma jridu jaraw l-ebda forma ta’ edukazzjoni ‘stil tal-Punent’ fin-Niġerja.
Talanqas 2,295 għalliema nqatlu u ‘il fuq minn 1,400 skola sfaw meqruda minn dawn l-estremisti Iżlamiċi mindu beda l-konflitt mal-Boko Haram fl-2009.

U għalkemm il-qawwiet tal-President Niġerjan, Muhammadu Buhari, wettqu offensiva, fl-2015, bir-riżultat li ħatfu lura ammont ta’ territorju fin-Niġerja, il-Boko Haram għadu sallum kapaċi jorganizza attakki qattiela fuq il-miri militari u daqstant ieħor ċivili.

Mill-276 tfajliet li, fl-14 ta’ April tal-2014, sfaw maħtufa mill-iskola ta’ Chibok, għad fadal ‘il fuq minn 100 neqsin.

Sadanittant, il-Kap tal-Boko Haram, Abubakar Shekau – li kemm il-darba uża t-tfajliet bħala aggressuri suwiċida – sostna, permezz ta’ filmati, li dawn it-tfajliet kienu konvertew għall-Iżlam u ‘spiċċaw iżżewwġu lill-militanti tiegħu’.