Lokali

Ir-reputazzjoni tas-servizzi finanzjarji għandha tiġi protetta – il-PN

'Ħatriet diretti f'karigi importanti fl-MFSA ma jawgurawx tajjeb għall-indipendenza ta' din l-istituzzjoni'

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jawgura suċċess lis-Sur Joseph Cuschieri li nħatar fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-MFSA (L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji).

Madanakollu, jeħtieġ li l-MFSA terġa’ tikseb lura it-trasparenza u l-awtonomija fil-mod ta’ kif isiru l-ħatriet. Mingħajr ma jiġu skredati l-kredenzjali tal-Kap Eżekuttiv il-ġdid, l-għażla diretta tiegħu ma tawgurax tajjeb għall-indipendenza ta’ din l-istituzzjoni, qal il-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija, ffirmata mill-kelliema tal-PN għall-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono, intqal li r-reputazzjoni tajba ta’ Malta hija essenzjali għas-sostennibiltà ta’ dan is-settur – speċjalment fid-dawl tal-fatt li għal din l-aħħar sena, ir-reputazzjoni ta’ Malta spiċċat taħt il-lenti minħabba l-Panama Papers u affarijiet oħra li kixfu nuqqasijiet fis-saltna tad-dritt.

Il-Partit Nazzjonalista żied li s-settur tas-servizzi finanzjarji kien wieħed mill-iktar fatturi importanti għat-tisħiħ tal-ekonomija, u pajjiżna sar ċentru ta’ eċċellenza grazzi għall-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ impenn kollettiv fil-qasam regolatorju.

L-istqarrija rrepeta kemm ‘il darba l-bżonn li l-pożizzjoni ta’ Malta f’dan is-settur jiġi kkonsolidat billi jissaħħu l-awtoritajiet regolatorji, bil-Partit Nazzjonalista jtemm jgħid li se jibqa’ kommess li jassigura li l-MFSA u l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha l-oħra jiksbu lura l-kapaċità li jirregolaw dan il-qasam b’mod serju, ekwu u independenti.