Lokali

“It-tibdil fil-Liġi tal-IVF se joħloq tfal orfni bi pjan” – l-Isqfijiet

Il-Knisja f'Malta tippubblika l-pożizzjoni tagħha dwar l-att li jemenda l-liġi tal-IVF

L-emendi mressqa mill-Gvern għal-Liġi tal-IVF imorru kontra l-Liġi preżenti. Fi stqarrija maħruġa mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech spjegaw il-pożizzjoni tal-Knisja dwar id-Dokument ippubblikat fil-jiem li għaddew.

L-Isqfijiet innutaw li bl-emendi mressqa mill-Gvern, jista’ jkun hemm tfal li qatt ma jafu min hi l-omm jew il-missier naturali tagħhom, min huma ħuthom, il-kuġini, iz-zijiet u n-nanniet propji tagħhom. Sostnew li l-Liġi l-ġdida qed toħloq orfni ġodda, bi pjan.

L-Isqfijiet fakkru fl-għożża li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom għall-ulied u għall-ħajja sa mit-tnissil tagħha. Hu għalhekk id-dispjaċir għall-emendi proposti f’dan l-Att għax jemmnu li t-tarbija se ssir oġġett li jissodisfa biss ix-xewqa ta’ ħaddieħor.

Mons Scicluna u Mons Grech isostnu li l-ulied huma għeżież u ma ħaqqhomx hekk, iżda jistħoqqilhom li jkunu mħarsa fil-ħtiġijiet kollha tagħhom. Huma l-ġenerazzjonijiet futuri li se jkollhom jaħsdu dak li qed jinżera’ llum.

L-Isqfijiet għalqu l-istqarrija b’appell lejn dawk responsabbli minn din il-Liġi biex verament iħarsu l-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, mingħajr ma jagħmlu xejn li jkasbar id-drittijiet tal-ulied.