Stewart Said
BALZAN……………..2
SENGLEA A…………1
Balzan ħadu vantaġġ mid-draw ta’ Valletta wara li għelbu lil Senglea Athletic 2-1 biex laħqu lill-avversarji diretti għar-rebħ tal-kampjonat, b’partita biss għat-tmiem il-kampjonat. Partita dominata minn Balzan iżda mingħajr spettaklu fejn f’xi ħinijiet waqgħet għal medjokri.
Il-prestazzjoni tal-Balzanin ma kinitx spettakolari iżda l-importanti għalihom kienet ir-rebħa, wara li ġimgħa ilu tilfu kontra Tarxien. Minkejja li ma kellhomx interess partikolari, Senglea onoraw il-logħba fejn minkejja li attakkaw ftit kienu dixxiplinati fid-difiża.
Il-kowċ ta’ Senglea Paolo Favaretto għamel xejn anqas minn ħames bidliet mir-rebħa kontra Mosta, bit-Taljan jagħti spazju lil xi plejers li lagħbu anqas, fosthom il-gowlkiper Jurgen Borg li għamel id-debutt.
Fuq in-naħa l-oħra, Marco Micovic għamel tliet bidliet mit-telfa kontra Tarxien Rainbows. Ivan Janjusevic irritorna fil-lasta flok Sean Mintoff filwaqt li Siraj Eddin Arab u Alfred Effiong bdew flok is-sospiż Milos Lepovic u Bojan Kaljevic li tħalla fuq il-bank.
Balzan bdew ifittxu l-gowl mill-bidu u wara ħames minuti d-difiża ta’ Senglea b’xi mod irnexxielha taqla’ l-ballun minn fuq il-linja wara inċertezza ta’ Jurgen Borg. It-tim ta’ Micovic kellu ċans tajjeb fid-disa’ minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Michael Johnson li għaddiet fuq il-lasta wara azzjoni ta’ korner.
Il-logħba bdiet tintlagħab fuq naħa waħda u fl-14-il minuta, Steve Bezzina laqat il-wieqfa b’daqqa ta’ ras mid-distanza. Balzan baqgħu jattakkaw iżda mingħajr ma jkunu perikolużi ħafna. Kien fil-41 minuta li Jurgen Borg kien impenjat serjament bi free-kick ta’ de Fiori Mendes li kien salvat mill-gowlkiper ta’ Senglea.
Balzan fetħu l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn free-kick mil-lemin, Siraj Eddin ARAB għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ qabbeż fuq Borg li kien ftit barra minn postu.
L-istess Arab mar viċin li jirdoppja fil-51 minuta b’xutt bid-dawra iżda Borg kien attent u dawwar f’korner. Erba’ minuti wara, xutt ta’ Alex da Paixao Alves għadda ftit barra.
Kontra x-xejra tal-logħob, fit-62 minuta Senglea ġabu d-draw b’xutt sabiħ fuq it-tieni lasta ta’ Gonzalo VIRANO li qabeż lil Janjusevic. Balzan dehru mingħajr il-grinta meħtieġa biex tim jirbaħ il-kampjonat sakemm kwarta mit-tmiem skorjaw il-gowl tar-rebħa. Kien kross ta’ Ryan Fenech, Michael Johnson bir-ras kompla għan-nofs fejn pront kien is-sostitut Bojan KALJEVIC li mill-viċin ma kellux diffikultà jiskorja.
//= $special ?>