Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Post storiku fl-Ewropa għal Gżira United

Keane Cutajar

GŻIRA U…………………………………………………2
SLIEMA W………………………………………………1

Fid-derby tax-xatt, Gżira United dawru telfa f’rebħa 2-1 kontra Sliema, fost brijju sħiħ mis-sapporters tal-Maroons li telgħu bi ħġarhom.

Gżira United bdew il-partita fuq nota pożittiva għaliex bir-riżultat tal-partita ta’ qabilhom aċċertaw ruħhom minn post storiku fl-Ewropa grazzi għar-rebħa ta’ St. Andrews fuq l-isfidanti Birkirkara.
Interessanti l-fatt li mal-ewwel 11 tal-Maroons bdew Anthony Curmi u Clifford Gatt Baldacchino li t-tnejn kienu jilgħabu mal-Wanderers fil-passat.

Wara biss ħames minuti kienu Sliema li resqu viċin meta Michele Sansone iltaqa’ ma’ kross mil-lemin tal-captain John Mintoff iżda sab lil eks ta’ Sliema, Anthony Curmi attent li niżel isalva.
Għaxar minuti wara kien żball difensiv ta’ Destin Prince Mambouana, li qassam ħażin lejn il-gowlkiper tiegħu li wassal biex Sansone nterċetta u prova jitfa’ wara Curmi iżda minn pożizzjoni ferm angolata falla l-mira bi ftit.
Fit-18-il minuta Matthias Muchardi ħa ballun tajjeb minn viċin nofs il-grawnd u tefa’ pass perfett lejn Jefferson De Assis li ra t-tentattiv tiegħu mdawwar f’korner b’sejv sabiħ ta’ Curmi.

L-ewwel azzjoni ta’ Gżira waslet fit-22 minuta, azzjoni li għal ftit ma sarrfitx f’gowl iżda Antonio Cotticelli b’xi mod irnexxielu jżomm barra f’żewġ tentattivi wara xogħol tajjeb ta’ Amadou Samb.

Appena għaddew nofs siegħa logħob Sliema marru minn fuq permezz ta’ freekick mix-xellug mogħti perfett fid-direzzjoni tal-kaxxa ż-żgħira li sab lil Kurt SHAW lest biex tefa’ ġewwa bir-ras għal dak li fisser l-ewwel gowl tiegħu fil-Kampjonat Premier.

Erba’ minuti biss wara, Gżira ġabu d-draw f’azzjoni li fiha għal darbtejn kien stupend Cotticcelli li salva mingħajr ma’ żamm fuq xutt ta’ Zack Scerri u wara ta’ Haruna Garba qabel il-ballun waqa’ għand Ndubisi OKOYE li veven fis-saqaf tax-xibka.

L-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima kienet waħda tajba bejn Garba u Edisson Zarate Bilbao li ħabtu l-ballun ma’ xulxin qabel dan tal-aħħar prova lejn il-lasta iżda sab lil gowlkiper tal-Wanderers attent.

Gżira fetħu t-tieni taqsima fuq l-offensiva u kien freekick ta’ Andew Cohen li kien imdawwar bi bravura ta’ Citticelli. Mill-istess korner, il-maroons marru minn fuq meta kien Haruna GARBA li għola fuq kulħadd qabel xeħet ġewwa.

Fis-57 minuta Kurt Shaw deher iqassam lura lil sieħbu bejn il-lasti, bil-gowlkiper Slimiż jżomm b’idu l-passaġġ milgħub lura. Ir-referee Eman Grech kien pront saffar għal freekick favur Gżira li minnu Cotticelli patta għan-nuqqas tiegħu u mblokka tajjeb.

Għaxar minuti wara, Garba resaq viċin id-doppjetta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa iżda sab lil Cotticelli attent li tar minn tulu u b’akkrobazija dawwar f’korner.
Sliema pruvaw isibu l-gowl tad-draw u tefgħu kollox fuq l-attakk iżda d-difiża ta’ Gżira żammet tajjeb.