Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: St. Andrews jevitaw ir-relegazzjoni diretta minkejja li jfallu żewġ penalties

(Ritratt - Matthew Tabone)

George Cassar

ST. ANDREWS…….1
BIRKIRKARA……..0

St. Andrews għelbu lil Birkirkara biex b’hekk evitaw ir-relegazzjoni diretta. Dan minkejja li fallew żewġ penalties f’partita mimlija kontroversji fejn Birkirkara spiċċaw jilagħbu b’disa’ plejers.

Il-partita kienet ikkontrollata mir-referì minn Ġibiltà Patrick Canepa li mhux dejjem deher deċiż mid-deċiżjonijiet li kien jieħu u kien kontinwament fil-mira tal-partitarji Karkariżi fejn apparti ż-żewġ penalties li ssaffru favur St. Andrews, naqas milli jagħti wieħed favur Birkirkara għal dak li deher handsball fil-kaxxa. Wieħed jibqa’ jistaqsi: Xi gwadann qed jieħu l-futbol Malti billi jġib referis minn pajjiż iżgħar minnha biex jirrefjaw logħob deċiżiv f’dan l-istadju tal-kampjonat?

Wara nofs siegħa Birkirkara spiċċaw bi plejer inqas meta Carlos Alberto għamel fawl mingħajr ballun bi tpattija fuq Matthew Gauci u ta’ dan intwera l-karta l-ħamra.

Malli bdiet it-tieni taqsima, minn kross mix-xellug ta’ Kemar Reid, Kevaughn Atkinson, bil-lasta miftuħa quddiemu, laqat il-mimduda.
Għoxrin minuta mit-tmiem Nikola Vukanac ġie ġġudikat li waqqa’ lil Atkinson fil-kaxxa u r-referì pponta lejn il-penalty spot. Reid laqat il-mimduda mill-penalty fost id-diżappunt fosthom tal-kowċ Michael Woods li waqt li kien qed jingħata l-penalty ddeċieda li ma jħarisx.

Kwarta mit-tmiem St. Andrews laqtu l-lasta għat-tielet darba meta Atkinson seraq il-ballun lil Kristian Naumovski iżda l-ballun waqaf mal-wieqfa.

Il-gowl deċiżiv wasal għaxar minuti mit-tmiem meta minn kross mix-xellug ta’ Atkinson, Misael MIRANDA GOMEZ daħal qalb id-difiża Karkariża u tefa’ fix-xibka.

Seba’ minuti mit-tmiem St. Andrews ingħataw penalty li deher xi ftit dubjuż għal fawl ta’ Jake Grech fuq Kemar Reid. Din id-darba mar Travis Balgrove biex jagħti l-penalty iżda x-xutt tiegħu kien milqugħ tajjeb minn Naumovski.

Minuta qabel skorra l-ħin, Jake Grech intwera t-tieni karta safra u l-ħamra għal fawl f’nofs il-grawnd. Ftit wara Birkirkara appellaw għal penalty wara li x-xutt ta’ Ryan Scicluna deher li ġie miżmum fil-kaxxa minn idejn Matthew Gauci. Dan kompli żied ir-rabja tal-partitarji Karkariżi li baqgħet sejra sa wara s-suffara finali hekk kif ir-referì wera żewġ karti ħomor oħra: lil Ryan Scicluna ta’ Birkirkara u lil Kemar Reid ta’ St. Andrews.