“L-iżviluppi fis-Sirja huma inkwetanti imma kienu mistennija fil-Lvant Nofsani. Inkwetanti għaliex għandna sitwazzjoni li qed teskala fi żminijiet fejn ir-relazzjoni bejn is-superpotenzi ma tidhirx waħda tajba”.
Hekk stqarr magħna Dr George Vital Zammit, Lettur fid-Dipartiment tal-Public Policy fl-Universita’ ta’ Malta meta tlabna r-reazzjoni tiegħu għall-attakki li saru fuq is-Sirja matul il-lejl.
“Ma ninsewx li bħalissa r-Russja għaddejja minn kampanja fejn qed turi s-saħħa ballistika tagħħa permezz ta’ eżerċitazzjonijiet ta’ prova ta’ teknoloġija missilistika ġdida. Sitwazzjoni mistennija għax l-attakk kimiku li rajna ftit ġranet ilu f’Douma li qatel ‘l fuq minn 70 ruħ, fosthom tfal, wassal għall-istmerrija tal-kommunita’ internazzjonali”.
Skont Vital Zammit, l-attakk ta’ dan illejl kien maħsub biss biex jibgħat messaġġ li l-linja ħamra dwar attakki b’sustanzi kimiċi, ma tistax jerġa’ tinqabeż.
“Wieħed ma jistax jitħasseb meta jisma’ lir-Russja twiegħed li ser ikun hemm konsegwenzi għal dan l-attakk. Dan ir-Reġjun għandu bżonn paċifikazzjoni li terġa twassal għan-normalita’ – ma ninsewx li issa l-gwerra ċivili fis-Sirja ilha għaddejja 7 snin, qatlet man-nofs miljun ruħ, u ħolqot kważi 5 miljun refuġjat”.
//= $special ?>