Il-Partit Nazzjonalista feraħ lit-tiratur tat-trap Brian Galea li rebaħ medalja tal-bronż fil-finali tal-Logħob tal-Commonwealth li qed isiru fl-Awstralja.
Il-Partit Nazzjonalista feraħ ukoll lill-Kumitat Olimpiku Malti u l-Federazzjoni Maltija tal-Isparar għal dan is-suċċess, li jfisser it-tieni medalja f’dawn il-logħob. Dan wara medalja tal-bronż li ntrebħet mit-tim tan-nisa tal-lawn bowls.
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li dawn ir-riżultati jfissru suċċess wara nuqqas ta’ medalji f’dawn l-aħħar żewġ edizzjonijiet. Huwa qal ukoll li dan ir-riżultat għandu jissarraf f’aktar investiment fl-isport biex jinkisbu aktar riżultati prestiġġjużi għal Malta.
Dan hekk kif it-tiratur Brian Galea rebaħ it-tieni midalja għal Malta wara li kiseb il-midalja tal-bronż fil-kompetizzjoni ta’ trap waqt il-logħob tal-Commonwealth li qed isiru f’Gold Coast fl-Awstralja.
Galea mill-ewwel kien qed juri forma mill-aqwa meta kiseb l-aqwa riżultat fl-ewwel jum ta’ kwalifikazzjoni meta laqat 48 minn 50 plattina. Fit-tliet rounds ta’ wara, Brian Galea laqat 117-il plattina biex spiċċa fis-sitt post flimkien ma’ Kynan Chenai mill-Indja.
Eventwalment Galea rebaħ ix-shoot-off għall-finali 4-3. Fil-finali, Brian Galea laqat 36 plattina li wasslitu sat-tielet post biex rebaħ l-ewwel midalja tal-bronż fil-Logħob tal-Commonwealth tal-karriera tiegħu.
Ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni kien Michael Wixey minn Wales li laqat 46 plattina filwaqt li l-midalja tal-fidda intrebħet minn Aaron Heading tal-Ingilterra li laqat 43 plattina.
Din hi t-tieni rebħa għal Malta fil-logħob tal-Commonwealth wara li t-tim tan-nisa tal-boċċi kien kiseb it-tielet post.
Intant, l-Ghaqda Gurnalisti Sports innutat bi pjacir u b’sodisfazzjon ir-riżultat mill-isbaħ li kiseb it-tiratur Malti tat-Trap Brian Galea fil-Gold Coast.
Is-suċċess ta’ Galea ma wasalx b’kumbinazzjoni izda huwa r-rizultat ta’ sagrifccju u tahrig intensiv minn dan it-tiratur ezemplari Malti. L-istqarrija tgħid li dan is-suċċess hu wkoll ir-riżultat ta’ Assocjazzjoni organizzata bħall-MSSF li mil-limitazzjonijiet taghha tipprova tmexxi dan l-Isport fuq passi professjonali kemm tista’.
Mertu wkoll lil SportMalta tal-investment kontinwu f’dan l-Isport. Prosit ukoll lit-tmexxija tal-Kumitat Olimpiku Malti li qed jagħti l-għodda neċessarja sabiex iktar atleti jitilghu pass ‘il fuq u jitqiesu atleti elite Jew professjonali u jiksbu aktar rizultati pozittivi fix-xena internazzjonali.
Din hi r-reba’ midalja mirbuħa minn Malta fl-istorja f’dan il-Logħob tal-Commonwealth wara zewg midalji tal-bronz ohra fil-passat mirbuha fid-double trap minn William Chetcuti.
FILMAT: Il-mument tal-premjazzjoni
//= $special ?>