Il-Pulizija ta’ Sqallija, preċiżament dawk fil-Port ta’ Pozzallo, qed jinvestigaw Sqalli minn Catania li fil-pussess tiegħu, appena niżel bil-karozza tiegħu mill-catamaran wara vjaġġ minn Malta, instab li kellu €51,000 fi flus kontanti.
Ir-raġel, li għandu tletin sena, kien arrestat u qed jgħin lill-Pulizija Taljana li qed tkompli tikkonferma suspetti qawwija dwar ħasil ta’ flus minn negozji miftuħa Malta bil-flus kontanti mbagħad jittieħdu lura fi Sqallija.
Ir-raġel ma kienx f’pożizzjoni li jikxef minn fejn oriġinaw dawn il-flus kontanti. L-ebda passiġġier li jħalli Malta bl-ajru jew bil-baħar – f’dan il-każ b’catamaran – ma jista’ joħroġ b’aktar minn €10,000 kontanti fuqu.
F’dan il-każ jirriżulta li dan l-Isqalli ma kienx iddikjara l-flus li kien se jdaħħal fi Sqallija wara li hu għamel perjodu f’Malta. Il-Pulizija Taljana qed tipprova tistabbilixxi min hu preċiżament dan ir-raġel, x’inhuma l-kuntatti tiegħu fi Sqallija u, aktar minhekk, x’inhuma l-kuntatti tiegħu f’Malta u min huma t-terzi li jinnegozja magħhom u x’tip ta’ negozju jagħmel magħhom.
Il-Pulizija ta’ Sqallija jidher li għandha konoxxenza tajba tal-istess persuna arrestata iżda milli jidher ma kenitx tafu biżżejjed u dan minkejja li l-arrestat kemm-il darba xelluf difru mal-Ġustizzja fi Sqallija tant li għandu numru ta’ proċeduri li għadhom pendenti fil-konfront tiegħu.
Minn tiftix estensiv li l-Pulizija fi Sqallija għamlet fil-karozza tal-Isqalli sabet żewġ kaxxi suppost tal-whisky li iżda fihom kien hemm moħbija xejn inqas minn €51,000 fi flus kontanti. Dawn il-flus ma kenux dikjarati.
Dan is-suċċess tal-Pulizija f’Pozzallo immatura wara li membri ta’ La Guardia di Finanza, flimkien ma’ Spetturi tad-Dwana fil-Port ta’ Pozzallo, waqqfu l-karozza misjuza mir-raġel li mill-ewwel deher nervuż “ant li beda jitriegħed u beda jegħreq b’mod evidenti ħafna. Hu deher ukoll mifxul u mħawwad meta beda jkun mistoqsi ċerti mistoqsijiet mill-Pulizja.
Kien imbagħad meta kienu qigħdin jispezzjonawlu l-karozza li l-membri ta’ La Guardia di Finanza ndunaw li f’parti mill-karozza kien hemm moħbija l-flus kontanti mpoġġija f’żewġ kaxxi tal-whisky.
Barra minhekk il-Pulizija fittxet ukoll fil-bagalji tas-sewwieq u sabet aktar flus moħbija. Il-Pulizija kkonfiskat immedjatament il-flus kollha maqbuda.
//= $special ?>