Lokali

Sushi fiċ-ċans li jkollu difna li tixraqlu

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg se tqajjem diskussjoni fil-Parlament dwar iċ-ċimiterju tal-annimali

Iż-żeffien ċelebri Felix Busuttil li ħabbar fuq il-midja soċjali li kien tilef lill-kelb tiegħu Sushi ftit tal-jiem ilu, saħaq li s’issa nġabru mal-2,500 firma favur li tinstab żona għal bini ta’ ċimiterju tal-annimali.

Felix kompla jispjega li l-Kelliema għall-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg ċemplitlu personalment u qaltlu li kienet ser tiddiskuti l-kwistjoni fil-Parlament Malti. Filwaqt li rringrazzja lill-membru Parlamentari, iż-żeffien Għawdxi insista li din mhux kwistjoni ta’ min huwa aħmar jew blu jew liema kulur politiku tħaddan – iżda hija kawża ġusta.

Huwa insista li l-annimali domestiċi jsiru parti waħda mill-familja, maħbuba daqs l-aqwa ħabib jew qarib – u għaldaqstant, kompla Felix, jeħtieġu difna dinjitużà.

Huwa saħaq li l-ebda annimal domestiku ma jistħoqlu jiġi mormi fiż-żibel jew inċenerat ma’ karkassi oħra daqslikieku l-imħabba lejh qatt ma fissret xejn.

Dan filwaqt li Felix Busuttil sejjaħ lill-poplu sabiex għal darb’oħra jingħaqad għal kawża nobbli w ġusta, fejn insista li bosta huma dawk li qed juru x-xewqa li din il-ħolma ssirilhom realtà.

 

Terġa’ titqajjem il-kwistjoni biex isir ċimiterju tal-annimali. Int taqbel?