Formula 1 Sport

Daniel Ricciardo jirbaħ il-Grand Prix taċ-Ċina

Daniel Ricciardo (Ritratt: EPA)

Daniel Ricciardo kiseb is-sitt rebħa fil-karriera tiegħu wara li rebaħ il-Grand Prix taċ-Ċina b’wirja mill-aqwa fit-tieni parti tat-tiġrija. Is-sewwieq tal-Mercedes Valtteri Bottas daħal it-tieni segwit minn Kimi Raikkonen tal-Ferrari. Iż-żagħżugħ Olandiż Max Verstappen spiċċa r-raba’ iżda ngħata penalità ta’ 10 sekondi wara inċident li kellu ma’ Sebastian Vettel, biex b’hekk inqabeż minn Lewis Hamilton.

Kawża tal-inċident ma’ Verstappen, il-karozza ta’ Vettel sofriet minn ħsarat fejn saħansitra nqabeż minn Nico Hulkenberg u Fernando Alonso biex kellu jikkuntenta bit-tmien post. Carlos Sainz u Kevin Magnussen komplew l-ewwel għaxra.

L-ewwel parti tat-tiġrija kienet karatterizzata minn taqtigħa bejn Vettel u Bottas, bil-Ġermaniż joħroġ wara l-Finlandiż wara li t-tnejn għamlu l-waqfa tagħhom. It-tiġrija ħadet żvolta oħra lejn nofs it-tiġrija hekk kif ħarġet is-Safety Car wara dwell bejn iż-żewġ sewwieqa ta’ Toro Rosso Pierre Gasly u Brendon Hartley.

L-istrateġija ta’ Red Bull daħħlet lil Daniel Ricciardo u Max Verstappen jibdlu t-tyres u wara li t-tiġrija reġgħet tkompliet, it-tnejn kienu veloċi ħafna. Ricciardo spiċċa biex qabeż liż-żewġ sewwieqa tal-Mercedes u l-Ferrari biex l-ewwel rebħa tal-istaġun. Verstappen ukoll kien involut fi dwelli ma’ Hamilton u Vettel.