Futbol Sport

Draw meritat fid-derby bejn Hibernians u Tarxien

Andrei Agius u Timmy Tabone Desira jippruvaw jieħdu l-ballun mingħand Ricardo Faria (Ritratt: Joseph Galea)
Hibernians jinsabu punt taħt Birkirkara u Tarxien tliet punti fuq Naxxar Lions

Rapport: Keane Cutajar

HIBERNIANS……………….2

TARXIEN R………………….2

Hibernians: A. Hogg, T. Tabone Desira (D. Vella 38’), M. Kreuzriegler, J. Lima, R. Soares, M. Dias, J. Degabriele, J. Bezzina (J. Moreira 56’), C. Failla, A. Agius, J. Mbong (A. Oliveira Neto 82’)

Tarxien: A. Cassar, S. Radovanovic, E. Baker, G. Aquilina, L. Grech, A. Scicluna, S. Tounkara, B. Traore, E. Calin (G. McKay 88’), R. Faria (W. Oliviera Viera 90’), S. Cipriott (A. Agius 71’)

Imwissija: E. Baker 15’, S. Cipriott 63’ (T)

Skorjaw: C. Failla 16’ pen, J. Degabriele 90’ (H) S. Tounkara 2’, R. Faria 84’ (T)

Referee: Mario Apap

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Theodore Zammit

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Andrea Cassar (Tarxien Rainbows)

Attendenza: 1,074

F’derby ieħor li offra l-Kampjonat Premier fi tmiem il-ġimgħa,  Hibernians u Tarxien spiċċaw fi draw meritat, f’partita li għat-tieni ġimgħa konsekuttiva l-gowlkiper ta’ Tarxien, Andrea Cassar kien ivvutat il-plejer tal-logħba.

Iż-żewġ timijiet kienu għadhom ġejjin minn rebħiet konvinċenti u fażi tajba fil-kampjonat, Hibernians jirbħu kontra Birkirkara u Tarxien jegħlbu lil Balzan, fatt li ntwera matul il-partita għaliex assistejna għal żewġ timijiet li lagħbu b’kunfidenza, b’attakk wara l-ieħor u ħafna logħob sabiħ u veloċi.

Tarxien fetħu l-iskor wara biss minuta u nofs wara li pass perfett ta’ Eduard Calin tefa’ lil Boubacar Traore fuq il-ġirja qabel għadda minn ma’ Clayton Failla, daħal fil-kaxxa u xeħet lejn Samba TOUNKARA li spara fix-xibka.

It-tim ta’ Raħal Ġdid kompla jfittex id-draw u appena għaddew għaxar minuti, kien kross ta’ Jurgen Degabriele mil-lemin li wasal għand Jackson Lima wara t-tieni lasta qabel ittanta xortih iżda sab lil Andrea Cassar attent li mblokka tajjeb.

Meta kienu għaddew kwarta logħob, ir-referee Mario Apap saffar għal penalty meta Ebiabowei Baker deher iwaqqa’ fil-kaxxa lil Marcelo Dias. Mill-ħdax-il metru s-solitu Clayton FAILLA tefa’ lil Cassar in-naħa l-oħra u ġab id-dro għal Hibernians.

Żewġ minuti wara, Tounkara prova jqabbeż minn fuq il-gowlkiper ta’ Hibs iżda falla l-mira bi żbrixx bil-ballun jinżel fuq ix-xibka minn barra. Andrea Cassar salva lit-tim tiegħu fis-26 minuta b’save tajjeb fil-baxx fuq ix-xutt mill-viċin ta’ Degabriele, ċans tad-deheb mitluf minn tal-pagun.

Fit-58 minuta, Failla nkariga ruħu minn free-kick li kien mogħti tajjeb u deher destinat għal ġewwa iżda Cassar kellu ideat differenti u wettaq save stupend biex dawwar f’korner. Fl-74 minuta, it-tim ta’ Jose Borg għal darb’oħra falla ċans tad-deheb din id-darba wara ħarba veloċi ta’ Traore minn nofs il-grawnd, li mbagħad żmarka fil-kaxxa lil Tounkara li waħdu ma’ Hogg xeħet barra.

Gabriel Aquilina forsi seta’ għamel aħjar ħames minuti wara meta ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Hogg, iżda sab lill-gowlkiper attent li ħareġ minn postu u mblokka f’korner.

Il-pressjoni ta’ Tarxien sarrfet fil-gowl tal-vantaġġ meta kien Ricardo FARIA li daħal tajjeb fuq kross mix-xellug qabel tefa’ ġewwa. Andre Scicluna salva lil sħabu fl-aħħar minuta meta qala’ gowl ċert minn fuq il-linja. Iżda ftit wara, Hibernians għamlu l-iskor 2-2 fl-aħħar sekondi permezz ta’ Jurgen DEGABRIELE li għeleb lil Cassar b’xutt sabiħ.