Basketball Sport

Hibernians jegħlbu lil Luxol u Depiro jikkwalifikaw għall-play-offs

Azzjoni waqt attakk ta' Luxol (Ritratt: Joseph Galea)

Bir-rebħa ta’ Cynergi Depiro fuq Starlites GIG, l-erba’ timijiet li għaddew għall-play-offs huma magħrufa. Flimkien ma’ Depiro, hemm Gżira Athleta, Hibernians u BUPA Luxol.

BUPA LUXOL………………69

HIBERNIANS………………73

(12-19, 16-15, 14-18, 27-21)

Luxol: C.J. Cordina (9), M. Vasovic (13), J. Mellilo, J.P. Schembri (5), K. Dimech (9), W. Alhberg (7) , K. Mayer (24), A. Micallef Trigona (2)

Hibernians: R. Vella (6), P. Attard (2), K. Sultana, L. Farrugia (6), S. Attard, I. Bonett, L. Tardito, A. Axiaq (8), M. Matijevic (12), A. Lizuar (25), C. Patus (14)

Referees: G. Barbara, E. Mangani, I. Simic

F’logħba li ftit kien hemm interess minħabba li ż-żewġ timijiet ikkwalifikaw għall-play-offs, Hibernians għal darba oħra għelbu lil Luxol. Bidu tajjeb minn Lizuar bis-sensiela tax-xuttijiet mill-bogħod u Chad Patus fl-aħħar minuti għenu lil Hibernians jiksbu t-tmien rebħa u t-tieni post.

Qabel il-play-offs, il-kowċ ta’ Luxol ried jaħdem ferm biex il-plejers tiegħu jilagħbu aktar bħala tim fejn C.J. Cordina u Vasovic raw biss il-basket anki meta kienu mhux f’pożizzjoni tajba biex imorru għal basket. Minn naħa l-oħra, Hibernians idawru l-ballun sakemm jġibu plejer waħdu.

Hibernians kellhom bidu tajjeb u marru 12-4 minn fuq. Hawn Luxol ħadu time-out u bidlu żewġ plejers. Luxol tjiebu biex naqqsu d-distakk għal 12-10, iżda r-reazzjoni ta’ Hibernians għenithom jiksbu l-aħħar punti tas-sessjoni 19-12.

Luxol bdew aħjar it-tieni sessjoni biex naqsu d-distakk għal 24-22 lejn il-ħames minuta. Xi bidliet għenu lil Hibernians biex jiksbu għaxar punti mingħajr risposta u marru 34-22 minn fuq. Fl-aħħar żewġ minuti, Luxol wieġbu u naqqsu d-distakk għal 34-28 sal-mistrieħ. Mal-ftuħ tat-tielet sessjoni, Hibernians reġgħu fetħu vantaġġ ta’ għaxar punti 40-30. Luxol rkupraw biex qasmu l-logħob sat-tmiem is-sessjoni 52-42.

Luxol żiedu l-aggressività fl-aħħar għaxar minuti biex l-ewwel naqsu l-iżvantaġġ għal 61-55 u żewġ minuti mit-tmiem, żewġ free-throws ta’ Mayer għamlu l-iskor 69-69. Free-throws ta’ Patus reġgħu poġġew lil Hibernians fuq quddiem. Fl-aħħar sittax-il sekonda, Luxol kellhom il-pussess biex jisforzaw il-ħin barrani, imma J.P. Schembri għaġġel u ċ-ċans intilef.

Depiro jikkwalifikaw għall-play-offs

STARLITES GIG………………68

CYNERGI DEPIRO…………..74

(14-21, 14-21, 25-15, 15-17)

Starlites: S. Pace (5), O. Psaila, R. Bonnici (6), A. Schembri , M. Scerri, M. Falzon (4), A. Felice Pace (8), R. Carabott (4), I. Pace, J. Felice Pace (3), J. Wait, M. Brewe (38)

Depiro: E. Briffa, D. Camilleri (13), A. Aquilina (16), N. Grech (2), A. Attard, M. Mallia (6), K. Xuereb (13), M. Borg , D. Scafidis (24)

Referees: E. Mangani, T. Mantere, I. Simic

Biż-żewġ timijiet iridu rebħa biex jaċċertaw minn post fil-play-offs, kienu Depiro li minkejja li kienu mingħajr il-captain Bugeja li kien imweġġa’, ħargu rebbieħa bl-aħħar sforzi tagħhom.

Depiro ma setax kellhom bidu aħjar meta maru 11-2 minn fuq. Mal-ħin, Starlites tjiebu u naqsu ftit l-iżvantaġġ. Fl-aħħar minuti, kienu Depiro li kisbu l-punti biex temmew is-sessjoni 21-11 minn fuq. Depiro reġa’ kellhom bidu tajjeb għat-tieni sessjoni u kabbru l-vantaġġ għal 33-18. Għalkemm Starlites għaddew minn dan il-mument diffiċli, ma setgħux inaqqsu l-iżvantaġġ biex Depiro daħlu jistrieħu 42-28 minn fuq.

Wara li Depiro kkontrollaw tajjeb l-isforzi ta’ Starlites fl-ewwel minuti wara l-mistrieħ b’vantaġġ ta’ 48-30, Starlites kellhom l-aħjar mument tagħhom biex sat-tmiem is-sessjoni naqqsu d-distakk għal tliet punti qabel l-aħħar għaxar minuti.

Fl-aħħar perjodu, Depiro ħargu xi ftit aħjar biex kabbru xi ftit il-vantaġġ għal 62-54. Starlites żiedu l-isforzi tagħhom biex l-ewwel naqqsu d-distakk għal basket, u ftit minuti wara anki marru basket fuq quddiem 68-66. Xutt mill-bogħod tal-veteran Camilleri reġa’ poġġa lil Depiro minn fuq. Ir-reazzjoni ta’ Starlites ma waslitx, b’Depiro jaċċertaw mir-rebħa.