Il-kumpanija Gozo Channel għażlet kumpanija li għadha kif twaqqfet, mingħajr esperjenza u li ma tlaħħaqx ir-rekwiżiti neċessarji mniżżla fis-sejħa għall-offerti.
Fi stqarrija, il-kumpanija Virtu Ferries, li ppreżentaw waħda minn seba’ offerti għal dan il-proġett, innutat kif il-kumpanija magħżula ġiet reġistrata biss ħamest ijiem qabel saret l-għażla mill-kumpanija Gozo Channel.
Dan imur sfaċċatament kontra l-kundizzjonijiet tal-għażla fil-proċess tat-tender, fejn jingħad li min jintagħżel irid ikollu “l-esperjenza neċessarja, kompetenza u riżorsi biex jipprovdu servizz ta’ fast ferry” u mistennija “li jilħqu speċifikazzjonijiet, rekwiżiti u kriterji applikabbli għas-servizz.” Fost il-kundizzjonijiet hemm il-bżonn ta’ esperjenza ta’ ħames snin.
Minkejja li tissodisfa l-kriterji kollha, il-kumpanija Virtu Ferries ma ntagħżlitx, bl-istess kumpanija tfakkar li b’hekk Gozo Channel se tafda lil din il-kumpanija ġdida bla esperjenza bir-responsabbiltà li ġġorr bejn 350 u 400 passiġġier. Dan fl-istess waqt li parzjalment titħallas ukoll minn fondi pubbliċi.
Fl-istess waqt li l-kumpanija Virtu Ferries twarrbet mill-Gozo Channel, ironikament ingħatat ir-responsabbiltà li topera servizz simili fl-Italja, bejn La Spezia u s-sit turistiku u storiku importanti taċ-Cinque Terre. Dan minbarra esperjenza vasta ta’ 15-il sena ta’ ħidma fir-rotta bejn l-Adrijatiku u Venezja u bejn il-Marokk u Spanja għall-aħħar sitt snin fost esperjenzi oħra ta’ servizz ta’ fast ferry li jmorru lura tletin sena b’rotot bejn sitt pajjiżi Ewropej.
//= $special ?>