Is-6 edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Mużika f’Malta qed jittella’ bejn il-Ħadd 15 t’April u t-Tlieta l-1 ta’ Mejju ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Is-Surmast Alan Chircop, Direttur Artistiku tal-Festival, jispjega ma’ NET News għaliex din is-sena dan hu festival speċjali:
“Kien il-ħsieb tagħna li norganizzaw wieħed mill-ikbar festivals fil-qasam tal-mużika klassika li qatt seħħ f’pajjiżna. Fil-fatt għandna kunċert kuljum għall-ħmistax-il ġurnata u l-pretiġju ta’ dan il-festival huma l-ismijiet internazzjonali u l-istilel tal-mużika klassika li se jkollna ġewwa pajjiżna.”
Il-kunċerti orkestrali ta’ dan il-Festival se jittellgħu mill-Orkestra Filarmonika Statali tal-Armenja u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta. Dawn se jingħaqdu flimkien għall-premiere ta’ Images of the Great Siege, tal-kompożitur Ukren Alexey Shor.
Flimkien mal-orkestra Armena se jingħaqdu bosta solisti mill-Orkestra Filarmonika Maltija, fosthom il-vjolinista Carmine Lauri, f’kunċert it-Tnejn 16 t’April b’mużika ta’ Strauss, Mozart u Wieniawski.
Tul dan il-festival se jitfakkru il-115 u l-145 sena mit-twelid tal-kompożituri ċelebri Aram Khacaturian u Sergei Rachmaninoff rispettivament b’kunċerti mill-istess orkestri li jdoqqu mużika bħall-Masquerade ta’ Khacaturian u d-Danzi Sinfoniċi ta’ Rachmaninoff.
Abbinat ma’ dan il-festival se tittella’ Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Pjanu f’Malta, li għaliha ġejjin 70 parteċipant minn barra. Dawn se jgħaddu minn għarbiel f’żewġ rawnds sakemm jintgħażlu 6 finalisti sabiex idoqqu kunċert tal-pjanu kull wieħed mal-Orkestra tal-Armenja.
Il-fond globali għall-parteċipanti f’din il-kompetizzjoni hija ta’ €200,000, b’€7,000 għall-aqwa parteċipant Malti u l-aqwa eżekuzzjoni ta’ kompożizzjoni Maltija.
Il-biljetti għall-kunċerti tat-Tnejn 16 u l-Erbgħa 18 t’April kważi nbiegħu:
“Nixtiequ nistiednu u noffru biljett b’xejn lill-qarrejja ta’ dan is-sit biex jattendu għal dawn il-kunċerti billi jibgħatu email fuq info@maltafest.eu”
Dan il-Festival qed jittella’ mill-Fondazzjoni Ewropea għas-Sostenn tal-Kultura flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u jifforma parti mill-programm kultura tal-Valletta2018.
//= $special ?>