Wara l-eliminazzjoni fiċ-Champions League, Juventus jinsabu f’pożizzjoni aktar komda li jirbħu l-kampjonat wara li ħadu vantaġġ mid-draw ta’ Napoli, biex issa jinsabu sitt punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika. Id-derby ta’ Ruma ntemm fi draw filwaqt li t-taqtigħa għal postijiet fl-Ewropa kompliet tiħrax.
BOLOGNA – Bologna komplew ikabbru l-problemi ta’ Verona, b’rebħa ta’ 2-0 fi Stadio Renato dall’Ara. SIMONE VERDI fetaħ l-iskor bi free-kick mill-isbaħ man-nofs siegħa logħob, b’ADAM NAGY jagħlaq il-logħba bit-tieni gowl.
FIRENZE – Is-sensiela pożittiva ta’ sitt rebħiet konsekuttivi ta’ Fiorentina ntemmet, bi draw fi Stadio Artemio Franchi kontra Spal. B’dan il-punt, Fiorentina baqgħu żewġ punt taħt Milan fis-seba’ post, filwaqt li Spal jinsabu fuq iż-żona tar-relegazzjoni punt fuq Crotone.
TURIN – Juventus ħadu vantaġġ mid-draw ta’ Napoli, b’rebħa ta’ 3-0 fuq Sampdoria, biex issa jinsabu sitt punti fuq in-Naplitani, bil-konfront dirett bejniethom hu ġimgħa oħra. Juventus fetħu l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn kross ta’ Douglas Costa, MARIO MANDZUKIC daħal tajjeb u għeleb lil Emiliano Viviano.
Costa reġa’ kien strumentali biex Juventus irduppjaw mas-siegħa logħob, bi kross ieħor din id-darba għal BENEDIKT HOWEDES li skorja b’daqqa ta’ ras għall-ewwel gowl tiegħu mal-klabb. L-iskor sar 3-0 kwarta mit-tmiem bi kross ieħor ta’ Douglas Costa lejn SAMI KHEDIRA li għeleb lil Viviano b’xutt fil-baxx.
RUMA – Id-derby ta’ Ruma bejn Lazio u Roma ntemm fi draw ta’ mingħajr gowls. Dan ma jfissirx li l-logħba kienet medjokri hekk kif it-tnejn attakkaw biex jippruvaw jiksbu r-rebħa importanti, bl-antagoniżmu tipiku ta’ derby bejn dawn iż-żewġ timijiet eżista tul il-logħba. Lazio spiċċaw il-logħba bi plejer anqas wara li kien tkeċċa Stefan Radu fit-80 minuta. B’dan id-draw, it-tnejn baqgħu t-tielet b’61 punt, punt aktar minn Inter
MILAN – Napoli tilfu żewġ punti oħra fit-taqtigħa għar-rebħ tas-Serie A meta sfaw miżuma fi draw ta’ 0-0 minn Milan. Il-partita kienet bilanċjata bi ftit azzjonijiet denji lejn iż-żewġ lasti, iżda l-aħjar azzjoni tal-logħba waslet proprju lejn it-tmiem, b’Donnarumma jdawwar f’korner xutt ta’ Milik mill-viċin fit-92 minuta.
SASSUOLO – Sassuolo u Benevento spiċċaw fi draw ta’ 2-2. CHEICK DIABATE poġġa lil Benevento fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel taqsima wara li qabbeż fuq Consigli, sakemm MATTEO POLITANO ġab id-draw fil-41 minuta. L-istess MATTEO POLITANO poġġa lil Sassuolo 2-1 minn fuq fl-64 minuta b’lob delizzjuż, iżda CHEICK DIABATE ġab id-draw disa’ minuti wara, meta kompla għal ġewwa minn kross mix-xellug.
//= $special ?>