Internazzjonali

L-Awstralja: Theddida min-nirien għar-residenzi ta’ Sydney

L-iskwadri għall-emerġenzi qed jikkumbattu nirien kbar qalb foresta li, fost oħrajn, affettwaw diversi residenzi fis-sobborgi ta’ Sydney lejn in-nofsinar. Intant, għadu kmieni wisq biex l-awtoritajiet jiddikjaraw jekk dawn in-nirien ‘tqabbdux apposta minn xi ħadd’.

Kelliema għan-New South Wales Rural Fire Service, fl-istess ħin, tennew tħassib sostanzjali dwar il-probabbiltà ta’ ‘nirien ġodda’ ‘il hinn miz-zona tal-emerġenza.

Numru ta’ residenti kienu mwissija biex isibu ‘l-aħjar mezzi ta’ kenn possibbli’ f’inħawi partikulari, meta l-eżerċizzji għall-evakwazzjoni kienu qed jitqiesu bħala wisq perikolużi.

Ir-reġjuni lejn ix-xlokk tal-Awstralja fl-aħħar ġimgħat kienu suġġetti għal sħana straordinarja u membri tas-servizzi għall-emerġenzi qalu li n-nirien qed javvanzaw b’mod l-aktar ‘aggressiv’. Dan meta l-irwiefen kienu qed imexxu l-fjammi fid-direzzjoni tat-Tramuntana u l-Lvant u eqreb tas-sobborgi.

Ammont ta’ ħelikopters attrezzati għal kontra n-nirien bħalissa qegħdin jgħinu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull, faħħar l-impenn tal-iskwadri għal kontra n-nirien.