Il-poplu fl-Ungerija qed ikompli jesprimi rabja talli l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban ‘seraq l-aħħar elezzjoni ġenerali’. Dan fost kundanna kbira ‘għall-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter’ li, skont in-nies, qegħdin jikkaratterizzaw lill-amministrazzjoni f’Budapest.
Min-naħa tiegħu, Orban mhux qed jidher inkwetat bil-prospett ta’ sensiela ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern u sostna li ‘ir-rebħa ( elettorali) hi tiegħu u tas-sostenituri tal-Partit Fidesz (tal-lemin) immexxi minnu’.
Fi tmiem il-ġimgħa, għexieren ta’ eluf ta’ nies ħarġu jipprotestaw f’Budapest kontra Orban u l-amministrazzjoni, fejn ilmentaw dwar is-sistema elettorali ‘inġusta’. Id-dimostrazzjoni saret sitt ijiem biss wara li l-Partit Fidesz rebaħ żewġ-terzi tas-siġġijiet fil-Parlament b’nofs il-vot nazzjonali.
Orban hu politiku Ewroxettiku rinomat u kien mexxa l-aħħar kampanja elettorali tiegħu fuq programm li jipponi l-immigrazzjoni.
Intant, l-organizzaturi tad-dimostrazzjoni kontra tiegħu qawwew qalbhom mir-reazzjoni popolari u qed jaħsbu għal rally kbir ieħor kontra Orban fil-jiem li ġejjin.
Jaħsbu li għall-aħħar dimostrazzjoni attendew talanqas100,000 persuna – fil-parti kbira żgħażagħ u li ħafna minnhom kienu qed ixejjru bnadar tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li r-rally kien segwit mill-pulizija għal kontra l-irvellijiet, ma nqalgħux xi inċidenti koroh.
L-organizzaturi tal-protesti ‘anti-Orban’ iridu recount tal-voti mill-aħħar elezzjoni flimkien ma’ liġi elettorali ġdida; media pubblika li taħdem b’mod imparzjali u kooperazzjoni aħjar fost il-partiti Ungeriżi li jopponu lill-Gvern tal-Fidesz.
//= $special ?>

