Manchester City huma matematikament Champions tal-Ingilterra wara li Manchester United sfaw megħluba 1-0 minn West Bromwich Albion f’Old Trafford. B’hekk Manchester City għandhom vantaġġ ta’ 16-il punt fil-quċċata, b’ħames logħbiet għal tmiem il-kampjonat.
Ir-Red Devils kellhom partita deludenti fejn minkejja li ħafna drabi kellhom il-pussess f’saqajhom, ma għarfux ikunu biżżejjed perikolużi filwaqt li fl-okkażjonijiet li kellhom ma kinux biżżejjed ċiniċi.
Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fit-73 minuta meta minn azzjoni ta’ korner, Jay Rodriguez żmarka ruħu u minn qagħda ideali għeleb lil De Gea.
F’logħba oħra, Newcastle huma prattikament salvi wara li f’St. James’ Park għelbu lil Arsenal 2-1. Kienu l-Gunners li fetħu l-iskor wara kwarta meta minn ballun fit-tul, Aubameyang krossja għan-nofs, b’Alexandre Lacazette jegħleb lil Dubravka b’xutt mill-ewwel.
Newcastle ġabu d-draw man-nofs siegħa logħob. Kien kross mil-lemin, b’Ayoze Perez jidħol tajjeb u jegħleb lil Petr Cech. Il-gowl tar-rebħa wasal fit-68 minuta bi żball fid-difiża ta’ Arsenal, b’Matt Ritchie jegħleb lil Cech b’xutt mill-kaxxa.
//= $special ?>