Futbol Sport

Naxxar jibqgħu jittamaw li jsalvaw b’rebħa fuq il-ġirien

Daniel Bustos jiskorja t-tieni gowl ta' Naxxar Lions (Ritratt: Joseph Galea)
Jiksbu t-tieni suċċess fuq il-ġirien dan l-istaġun

Rapport: George Cassar

MOSTA…………………..0

NAXXAR L……………..2

Mosta: A. Vella, D. Mansi, T. Farrugia, G. Nuti (J. Tanti 46’), I. Maric, T. Veronese, K. Magro, D. Xuereb, M. Sammartino, Leozinho, D. Bartulovic (C. Camilleri 58’)

Naxxar: L. Polli Gomes, M. Micallef (M. Fenech 89’), D. Bonnici, Mailson, R. Henriques. R. Grech, Matheus, D. Belhadj, J. Debono (R. Cassar 70’), Y. Messias, D. Bustos (R. Grima 91’)

Skorjaw: J. Debono 18’, D. Bustos 85’ (N)

Imwissija: D. Mansi 40’, G. Nuti 44’, K. Magro 47’ (M), D. Bonnici 49’, D. Bustos 67’, R. Grech 73’ (N), D. Xuereb 78’ (M)

Tkeċċew: D. Mansi 83’, K. Magro 88’ (M)

Referee: Etienne Mangion

Assistenti Referees: Paul Apap, Peter Abela

Il-Nazzjon Plejer tal-logħba: Daniel Bustos (Naxxar Lions)

Naxxar Lions reġgħu rebħu d-derby tat-Tramuntana għat-tieni darba dan l-istaġun biex b’hekk baqgħu jittamaw li jistgħu jsalvaw posthom fil-Premier. B’dawn it-tliet punti, Naxxar issa qegħdin tliet punti taħt Tarxien Rainbows u jittamaw li jilħquhom fil-logħba li fadlilhom kontra Sliema Wanderers.

In-Naxxarin urew mill-ewwel l-intenzjonijiet tagħhom u ddominaw mill-bidu sal-aħħar. Din kienet is-sitt telfa konsekuttiva għal Mosta li kompliet ittappan l-istaġun pożittiv li kellhom. Fil-mument meta kważi serrħu moħħhom li se jsalvaw posthom fil-Premier, irrilassaw u tilfu partita wara l-oħra.

Naxxar biddlu l-iskor wara tmintax-il minuta. Il-kross ta’ Mano Micallef kien imxellef bir-ras b’Jurgen DEBONO jkun fil-post eżatt biex jikkonkludi fix-xibka.

Qabel għalqet l-ewwel taqsima, wara pass ta’ Ryan Grech, Daniel Bustos evita l-offside iżda mhux lil Andreas Vella li laqa’ tajjeb.

Wara għaxar minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Daniel Bustos ġab f’pożizzjoni tajba lil Yuri Messias li iżda mill-viċin xeħet għoli.

Naxxar resqu ferm qrib fit-78 minuta meta minn pass ta’ Yuri Messias, Dilali Belhadj laqat il-mimduda. L-azzjoni tkompli bil-ballun jispiċċa għand Rafael Henriques li x-xutt tiegħu kien milqugħ mill-gowlkiper Mosti.

Fl-aħħar għaxar minuti Yuri Messias ġie wiċċi imb wiċċ ma’ Andreas Vella iżda l-gowlkiper Mosti għalaq tajjeb. Seba’ minuti mit-tmiem, tkeċċa d-difensur ta’ Mosta Davide Mansi fuq it-tieni karta safra b’hekk dan l-istaġun intemm għalih.

Ħames minuti mit-tmiem il-Lions għalqu l-logħba meta Yuri Messias għadda l-ballun lil Daniel BUSTOS li skorja t-tieni gowl Naxxari. Żewġ minuti mit-tmiem intwera t-tieni karta safra u anki l-ħamra l-captain ta’ Mosta Kurt Magro wara li żamm il-ballun b’idu u waqqaf kontrattakk Naxxari.

B’dan ir-riżultat, Naxxar issa jistgħu japprofittaw mill-konfront dirett tal-ġimgħa d-dieħla bejn Tarxien Rainbows u St. Andrews, filwaqt li huma jridu jegħlbu bilfors lil Sliema Wanderers.