QORMI ……………… 2
QRENDI ……………..0
Qormi: J. Azzopardi, C. Vella (B. Grech 57’), L. Adamec, Y. Yankam, L. Busuttil, J. Caetano Da Silva (T. Gusman 82’), A. Abela (N. Ghio 77’), A. Cassar, D. Vukovic, C. Matombo, M. Camilleri.
Qrendi: J. Borg, B. Bondin (A. Formosa 46’), P. Mrvic, Z. Bowman, E. Amaira, D. Zarb, T. D’Amato, S. Nakamura (J. Sousa Martins Da Silva 72’), K. Abela, A. Agius, D. Martini (D. Santos Da Hora 72’)
Referee: Warwick Herbert (Ġibiltà)
Wara r-rebħ tal-promozzjoni ġimgħa ilu, Qormi aċċertaw ukoll mir-rebħ tat-titlu meta għelbu lil Qrendi 2-0 b’gowl f’kull taqsima biex fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Pieta u b’hekk kienu dikjarati champions tal-Ewwel Diviżjoni.
Kienet rebħa meritata għal Qormi li attakkaw kważi tul il-logħba kollha anki jekk fl-aħħar minuti għal ftit ma kinux kastigati fl-unika opportunità li ħolqu Qrendi, li minn naħa tagħhom issa jridu punt mill-aħħar konfront biex żgur iserrħu rashom milli jkollhom jilagħbu decider ma’ Żabbar.
Qormi ħarġu ferm aggressivi u ħolqu ħafna ċansijiet ta’ skor iżda b’mod jew ieħor Qrendi dejjem ħelsuha ħafif, fejn fl-20 minuta anki kellhom ballun maqlugħ minn fuq il-linja wara xutt mill-viċin ta’ Caetano Da Silva.
Sitt minuti wara ħarġa kuraġġuża tal-gowlkiper Borg f’saqajn Caetano Da Silva evitat gowl ċert. Fl-40 minuta intervent ieħor tal-gowlkiper ta’ Qrendi fuq xutt mill-viċin ta’ Luke Busuttil u ftit wara Michael Camilleri bir-ras xeħet ftit għoli.
L-isforzi ta’ Qormi taw il-frott fl-44 minuta meta free-kick minn distanza notevoli ta’ Lubos Adamec stampa mal-mimduda u mir-rebound kien pront MICHAEL CAMILLERI li kompla l-ballun għal ġewwa.
Fit-tieni taqsima ma nbidilx l-andament tal-logħba fejn Qormi komplew jattakkaw iżda l-gowlkiper Borg kien ferm attent u ċaħħad lil Adamec fuq daqqa ta’ ras wara azzjoni ta’ korner.
Tliet minuti mit-tmiem Martins Da Silva qabeż tliet difensuri ta’ Qormi iżda waħdu quddiem il-lasta xeħet inkredibilment barra. Minuta wara Qormi għalqu l-logħba bit-tieni gowl meta LUKE BUSUTTIL żgiċċa lid-difensuri f’azzjoni ta’ kontrattakk u għeleb lil Borg biex il-partitarji numerużi Qriema setgħu jibdew jiċċelebraw ir-rebħ tat-titlu.
//= $special ?>